Fi Florida infetħet investigazzjoni kriminali kontra l-influencers Andrew u Tristan Tate li waslu fl-Istati Uniti mir-Rumanija l-ġimgħa l-oħra fejn kienu qed jiffaċċjaw akkużi ta’ stupru u traffikar uman.
L-Avukat Ġenerali ta’ Florida, James Uthmeier, qal li investigaturi kienu ħarġu mandati ta’ tfittxija u anke taħrikiet f’dik li issa saret investigazzjoni attiva.
Fl-Istati Uniti, l-aħwa Tate qed jiffaċċjaw ukoll kawża ċivili minn mara li allegatament qalet li kienu ġegħluha tagħmel xogħol sesswali u wara ddefamawha wara li xehdet mal-awtoritajiet Rumeni.
Huma qed jinnegaw l-akkużi kollha miġjuba kontrihom.
Andrew Tate, li għandu 38 sena,u li huwa ex kickboxer u anke kien parti minn Big Brother tar-Renju Unit, għandu miljuni ta’ segwaċi online fejn anke ddikjara pubblikament li hu m’għandux rispett għan-nisa. Flimkien ma’ ħuħ Tristan ta’ 36 sena, qed jiffaċċja akkużi separati fir-Renju Unit ta’ stupru u traffikar ta’ persuni liema akkużi wkoll qed jiġu miċħuda minnhom.
L-aħwa kienu oriġinarjament arrestati fir-Rumanija f’Diċembru 2022, fejn Andrew kien akkużat bi stupru u traffikar uman filwaqt li Tristan kien suspettat bi traffikar uman. Huma kienu trażlokaw mir-Renju Unit għar-Rumanija ftit tas-snin ilu.
Huma ċaħdu l-akkużi kontrihom u qattgħu diversi xhur arrestati f’darhom. Sena wara, f’Awwissu li għadda, iffaċċjaw akkużi ġodda inkluż dak ta’ sess u traffikar ta’ minuri li għal darb’oħra kienu miċħuda.
Hu mifhum li l-aħwa Tate huma ordnati mill-Prosekuraturi li jirritornaw ir-Rumanija fl-aħħar ta’ dan ix-xahar għalkemm għadu mhux magħruf jekk filfatt dawn hux se jagħmlu hekk.
Il-pulizija fl-Ingilterra għadhom qed ifittxu l-estradizzjoni ta’ Andrew fuq allegazzjonijiet ta’ stupru u traffikar uman separati u li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ dawk miġjuba kontrihom fir-Rumanija barra akkuża ta’ evażjoni tat-taxxa.
Fir-Renju Unit, erba’ nisa Ingliżi fetħu kawża ċivili kontra Andrew Tate fejn qed jallegaw li kien stuprahom u kkontrollahom.