Il-ħaddiema tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali li bejn is-sena elfejn u l-elfejn u sebgħa, skont il-paga tagħhom, ħallsu l-bolol, imma għal xi raġuni dawn il-flus ma waslux għand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, jistgħu jserrħu rashom li mhuma se jitilfu xejn mill-pensjoni tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti spjega ma’ dan l-istazzjon kif xhur ilu, numru ta’ ħaddiema avviċinaw lid-Dipartiment tal-Finanzi tal-FSWS dwar bolol nieqsa: “Huma għandhom il-payslip u l-FS3 li juru li l-bolla, in-National Insurance Contribution, kienet ġiet imnaqqsa at source mis-salarju tagħhom però kienu qed jgħidulhom li ma kinitx qed tidher bħala mħallsa min-naħa tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.”
Is-Sur Grixti spjega kif il-Fondazzjoni mill-ewwel tkellmet mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali dwar dan.
L-ewwel informazzjoni ssuġġeriet li dawn in-nuqqasijiet saru bejn is-snin elfejn u ħamsa u elfejn u sebgħa, imma rriżulta li l-problema kienet ilha s-snin u l-ammonti jlaħħqu l-għaxar miljun ewro.
Grixti stqarr: “Id-Dipartiment ġie lura, qalilna li l-problema hija ikbar għax tmur lura mill-inqas sas-sena elfejn. Qed nitkellmu fuq madwar erba’ mitt impjegat, il-maġġor parti tagħhom għadhom jaħdmu magħna, hemm min irtira, hemm wieħed żgur li smajt bih li m’għadux magħna però tikkonċerna wkoll impjegati tal-Aġenzija Sapport li sal-elfejn u sittax, kienu jiffurmaw parti mill-FSWS.”
Il-Gvern assigura, bil-miktub, li mhux se jbatu l-ħaddiema fil-pensjonijiet tagħhom, u dwar dan il-każ inħatret inkjesta indipendenti mill-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali.
Grixti sostna: “Il-Gvern ħa jassigura li ħadd minn dawn il-ħaddiema, kemm tal-FSWS u kemm tal-Aġenzija Sapport, mhu ħa jitlef xejn mill-pensjoni u mhu ħa jitlef xejn mid-drittijiet tal-benefiċċji soċjali għax din tista’ taffettwalek anki jekk tkun bis-sick leave fit-tul u jgħidulek m’għandekx biżżejjed bolol.”