Hekk kif fl-aħħar xhur infetħu t-toroq kollha tal-proġett tal-Luqa Junction fid-direzzjoni permanenti tagħhom u kien fadal biss xogħol fil-mina li tgħaqqad id-direzzjoni minn Santa Luċija lejn Ħal Qormi, issa din hi kompluta.
Fil-fatt mill-Ġimgħa l-mina nfetħet għat-traffiku mis-sitta ta’ filgħodu sas-sebgħa ta’ filgħaxija, biex l-aħħar ftit xogħlijiet li fadal bħal sinjali permanenti tat-traffiku, tħawwil ta’ pjanti u dwal, isiru matul il-lejl.
Din il-mina tgħaqqad il-karreġġjata lejn il-Punent ta’ Triq il-Kunsill tal-Ewropa mal-karreġġjata lejn it-Tramuntana ta’ Triq San Tumas, li toffri konnessjoni diretta u bla interruzzjoni minn Santa Luċija u l-Marsa lejn Ħal Luqa u Ħal Qormi, u mingħajr ma taqsam minn ġot-traffiku minn destinazzjonijiet oħrajn fl-istess direzzjoni.
Dan ħabbru l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon, ma’ ONE News fejn, f’kumment telefoniku, spjegalna fiex wasal dan ix-xogħol.
Qal, “Il-proġett tal-Luqa Junction Project, ix-xogħlijiet maġġuri ġew konklużi. Xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, xogħlijet ta’ asfalt tat-toroq. Ir-rotot kienu u għadhom miftuħa bħalma kienu fl-aħħar ta’ Ġunju li għadda. Imma kif konna ħabbarna x-xogħol kien iffokat fuq it-tunnel, fuq l-underpass li tgħaqqad minn Santa Luċija għal ħdejn ir-roundabout tal-Forzi Armati għal Triq San Tumas. Dak ix-xogħol hu komplut u dak it-tunnel, din il-konnessjoni diretta, se tkun miftuħa bejn is-sitta u sebgħa ta’ filgħaxija.”
Infrastructure Malta se ssebbaħ ukoll il-proġett b’siġar u b’arbuxelli ġodda, filwaqt li se tiżviluppa spazju miftuħ ġdid ta’ rikreazzjoni b’aċċess faċli għall-mixi miċ-ċentru ta’ Ħal Luqa.
Falzon qal li r-raġuni għaliex l-aħħar ftit irqaqat se jkunu qed isiru filgħaxija, hi minħabba l-fatt li qed joqrob iż-żmien tal-iskola u jkun hawn aktar vetturi fit-toroq.
Qal, “Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed niffokaw biex nagħmlu dawn il-finishing touches u billi hu perjodu tal-back to school ippjanajna li kollha jsiru wara s-sebgħa ta’ filgħaxija.”
Fl-aħħar Ivan Falzon irringrazzja lill-pubbliku, l-aktar lir-residenti tal-madwar għall-koperazzjoni tagħhom matul dan il-proġett.
Qal, “Aħna nixtiequ nirringrazzjaw lill-pubbliku kemm dawk li jgħaddu mill-akkwati u speċjalment lir-residenti li joqogħdu fl-akkwati tal-koperazzjoni kontinwa li wrew magħna fiż-żmien biex implimentajna dawn il-proġetti maġġuri.”