Infrastructure Malta fetħet il-mina ġdida tal-Imrieħel, li tgħaqqad Triq l-Imdina mal-Bypass tal-Imrieħel, fil-junction ħdejn l-uffiċini tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).
Issa se jsiru l-aħħar xogħlijiet fil-mina u jkompli l-proġett bil-bini tar-roundabout il-ġdida fuq il-mina, kif ukoll punti ta’ qsim aktar siguri għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota u żoni ġodda msebbħin bis-siġar.
Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-IM Ivan Falzon.
Konnessjoni oħra diretta li taqsam minn fuq il-mina fid-direzzjoni opposta, minn Triq l-Imdina (Birkirkara) lejn Ħ’Attard, se tinfetaħ fil-ġimgħat li ġejjin. L-aġenzija qed tippjana biex tlesti Mriehel Underpass Project sa tmiem is-sena.
Il-mina tal-Imrieħel, twila 60 metru u b’żewġ korsiji, se tifforma parti mill-junction tar-roundabout ġdida flok is-sistema tat-traffic lights li kien hemm qabel f’salib it-toroq bejn Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. Permezz tal-mina, l-fluss prinċipali tat-traffiku li minn Triq l-Imdina, f’Ħal Balzan ikun sejjer lejn il-Bypass tal-Imrieħel (Vjal ir-Royal Malta Artillery), ser jinfired mill-bqija tal-traffiku li jaqsam kontra xulxin f’din il-junction.
Bħala parti minn Central Link Project, fl-2020 Infrastructure Malta bniet żewġ korsiji ġodda fid-direzzjoni opposta, lejn il-punent, mill-Bypass lejn Ħal Balzan u Ħ’Attard.
Hekk kif se jnaqqas l-ammont ta’ vetturi u l-veloċità tas-sewqan madwar ir-roundabout ġdida, Mriehel Underpass Project se jippermetti l-introduzzjoni ta’ punti ta’ qsim aktar siguri għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota bejn Birkirkara, l-Imrieħel u Ħal Balzan u Triq il-Ħofor, triq rurali li twassal għal Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi.