B’investiment ta’ kważi €7 miljun, il-kumpanija Maltija Busy Bee fetħet fabbrika ġdida fl-Imrieħel mgħammra bl-aqwa faċilitajiet tant se tittripla l-kapaċità produttiva tagħha. L-operat kollu tal-Busy Bee mexa minn żona residenzjali fl-Imsida għal żona industrijali fl-Imrieħel.
Il-ftuħ ta’ din il-fabbrika ġdida flimkien ma’ ħanut ġdid sar mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Investiment Chris Cardona flimkien mad-direttur tal-Kumpanija s-Sur Brian Friggieri.
Is-Sur Friggieri jgħid x’wassal sabiex dan in-negozju tal-familja li ilu jopera f’Malta għal dawn l-aħħar disgħin sena għamlet dan l-investiment:
“Ħassejna li kien wasal iż-żmien li nagħmlu pass ikbar. Dan il-pass kien importanti għax qed noffru lill-impjegati tagħna kundizzjonijiet aħjar u ambjent aħjar loġistika aħjar u nipproduċu aktar u nesploraw iżjed fis-suq Malti”.
Is-Sur Friggieri faħħar l-inizjattivi tal-Gvern sabiex din il-kumpanija setgħet taghmel dan l-investiment qawwi:
“Se nkunu qed nibbenefikaw minn tax credit u investments aids tal-Malta Enterprise u industrial parks u anke fondi tal-EU”:
Huwa qal kif il-klima ekonomika ta’ pajjiżna għenet sabiex il-kumpanija waslet għal dan l-investiment:
“L-att pozittiv jgħin u jagħmilek kuraġġ li int tkompli tinvesti u hija mportanti ħafna”.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li dan il-proġett twettaq bl-għajnuna ta’ diversi skemi u ffoka fuq it-titjib ta’ linja ta’ produzzjoni eżistenti u li permezz tiegħu, il-kumpanija qed tippjana li toħloq aktar opportunitajiet ta’ impjieg:
“Huwa l-SME growth li bħala hemm 200 kumpanija oħra li ħadu flimkien €13 il-miljun biex ikomplu jkabbru l-operat tagħhom u jħarsu lil hinn minn xtutna, huma fondi ewropej li qed imorru għall-intrapriża Maltija”.
Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal kif permezz tal-ħolqien ta’ food hub, kumpaniji Maltin li huma stabbiliti, fosthom Busy Bee, kellhom l-opportunità li jespandu l-operat tagħhom fil-qasam industrijali tal-Imrieħel.
Fakkar kif il-viżjoni tal-Gvern hija li minn sit li kien perikoluż u fi stat ta’ abbandun, jinħoloq ċentru tal-manifattura tal-ikel li jiġġenera l-investiment u x-xogħol.