Il-funtana ikonika ta’ Ruma, Trevi, reġgħet infetħet għall-pubbliku nhar il-Ħadd wara xhur ta’ rinovazzjonijiet.
Dan il-monument tas-seklu tmintax huwa wieħed mill-akbar attrazzjonijiet tal-belt kapitali Taljana. Madankollu, il-lokazzjoni li tara influss kbir ta’ viżitaturi, kkontribwixxiet għad-deterjorament tiegħu bl-akkumulazzjoni tal-ġebla tal-franka u fatturi oħra fil-partijiet l-aktar esposti għall-ilma.
Ir-rinovazzjonijiet ħadu kważi tliet xhur u skont l-awtoritajiet qamu €327,000 bix-xogħlijiet jiffukaw fuq tneħħija ta’ ħmieġ, sadid u ġebla mill-monument kif ukoll sar waterproofing fil-qiegħ tal-funtana.
Ġie introdott ukoll aċċess ġdid sabiex il-viżitaturi jkollhom esperjenza aħjar u titnaqqas il-konġestjoni.
Is-Supretendent ta’ Ruma għall-Wirt Kulturali, Claudio Parisi Presicce qal li kienu qed jintroduċu sistema ġdida biex ikun hemm kuntatt dirett mal-monument sabiex b’ħarsa aktar mill-qrib tkun qed tippermetti lill-viżitaturi japprezzaw bis-sħiħ dan il-monument ġigantesk.
Id-dħul issa se jkun wieħed ikkontrollat b’massimu ta’ 400 persuna jiddaħħlu fl-istess ħin fejn iħallsu €2 għall-żjara ta’ 30 minuta. Huma se jkunu wkoll jistgħu jerġgħu jitfgħu muniti fil-funtana, tradizzjoni li tiġġenera madwar €1.5 miljun ewro fis-sena u li jingħataw bħala donazzjoni lill-Għaqda Filantropika tal-Knisja, il-Caritas.