F’Ħal Tarxien ġiet inawgurata Dar Annunzjata, liema faċilità speċjalizzata b’investiment ta’ €13-il miljun għall-anzjani bil-kundizzjoni tad-dimensja, se tibda tilqa’ fiha l-ewwel residenti tagħha minn nhar it-Tnejn li ġej.
Waqt żjara fil-faċilità, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia faħħar din id-dar għall-faċilitajiet moderni li tħaddan fiha fosthom mitejn u tletin sodda speċjalizzata. Huwa sostna kif dawn il-fatturi jkomplu jsaħħu l-atmosfera ta’ dar, biex ir-residenti tagħhom iħossuhom komdi kemm jista’ jkun.
Il-Ministru għall-Anzjani qal kif dan l-investiment huwa xhieda tal-fiduċja fil-pajjiż.
Dan għaliex minkejja pandemija globali, dan l-investiment xorta sar.
B’dan l-investiment se jinħoloq mitt post tax-xogħol.
Min-naħa tagħha, Blodwen Vella Spiteri, id-Direttur Maniġerjali ta’ Dar Annunzjata saħqet li din id-dar se jkollha diversi karatteristiċi attraenti għall-anzjani fi ħdanha, fosthom pixxina, gym u kliniċi tal-ogħla livell.
Apparti minn hekk, hija spjegat kif il-ħsieb wara din id-dar hi li r-residenti jkunu jistgħu jissoċjalizzaw flimkien, u għalhekk, il-faċilità investiet f’sistema ta’ sigurtà li tħalli lir-residenti jimxu fid-dar kif jixtiequ.
Spiteri qalet, “Investejna f’nurse call system fejn bażikament hija wristband fejn ir-resident se jkollu l-faċilità li jkun fejn ikun fid-dar, jekk ikollu bżonn kemm jagħfas il-buttuna għall-assistenza, l-istaff ikunu jafu fejn qiegħed u jkunu jistgħu jmorru jassistuh.”