Ġiet inawgurata Dar Santa Rosa fil-Mosta, b’investiment privat ta’ tliet miljun ewro. Din id-dar, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’Malta, hi proġett fis-settur tas-servizzi għall-persuni b’diżabilità minn HILA Homes Ltd.
Dar Santa Rosa se tkun qed takkomoda minorenni b’diżabilità f’binja u ambjent adattati u bi programmi mfasslin speċifikament għalihom. Din hija l-ewwel dar ta’ din ix-xorta f’Malta.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, qalet li l-investiment privat fis-settur tas-servizzi għall-persuni b’diżabilità imur id f’id mal-ħidma tal-Gvern biex jipprovdi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-persuni b’diżabilità u, fl-istess ħin, aktar serħan il-moħħ lil qrabathom.
Hija qalet ukoll li l-bżonnijiet tat-tfal jew tal-adoloxxenti b’diżabbiltà humiex l-istess bħal dawk ta’ anzjan b’diżabilità u, għaldaqstant, anke s-servizz mogħti jkun differenti.
Dar Santa Rosa għandha 27 kamra tas-sodda mifruxin fuq erba’ sulari. Hemm ukoll partijiet komuni, fosthom kmamar għat-terapija, spazju rikreattiv bi ġnien żgħir miegħu li se jkun mgħammar b’apparat sensorjali, u spazji oħrajn skont il-bżonnijiet tal-klijenti.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ HILA Homes Ltd, Janet Silvio, qalet li permezz ta’ Dar Santa Rosa se jkollhom l-opportunità li jilħqu u jgħinu aktar persuni u familji u jkunu ta’ appoġġ konkret għalihom. L-għan huwa li jagħmlu differenza fil-ħajja tal-familji konċernati u li jtejbulhom il-benesseri tagħhom.