F’Marsaskala infetħet Berġa tas-Saħħa ġdida, permezz ta’ fondi mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, li se tibda toffri servizzi tas-saħħa min-nhar it-Tnejn li ġej.
Waqt il-ftuħ ta’ din il-berġa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne innota kif din minn din il-berġa se jkunu qed jgawdu mal-ħmistax-il elf resident f’Wied il-Għajn.
Spjega kif se jingħataw servizzi ta’ fiżjoterapija u speech therapy.
Id-Deputat Prim Ministru nnota kif għal dawn l-aħħar sentejn, il-Gvern ilu jiftaħ bereġ tas-saħħa fil-komunitajiet b’mod regolari, u kif dawn intlaqgħu tajjeb mir-residenti.
Spjega kif l-impatt ta’ dawn il-bereġ imur lil hinn mill-konvenjenza.
Qal, “Huwa magħruf li jekk inti għandek aċċess iżjed viċin għall-kura, x’aktarx se toħodha qabel, x’aktarx se tirrikorri għaliha qabel u meta tirrikorri għaliha qabel tkun għadek fil-bidu tal-kundizzjoni tiegħek u allura titratta ħafna aħjar.”
Id-Deputat Prim Ministru ta wkoll rendikont tal-għajnuna umanitarja li qed tagħti Malta lill-Ukrajna, fejn spjega kif pajjiżna se jkun qed jagħti mija u ħamsin pellet ta’ provisti mediċi, kif ukoll numru ta’ dożi ta’ vaċċini kontra l-Covid-19.
Intant, is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza, Alex Muscat sostna dwar l-importanza li l-ġid tal-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali jitqassam fil-komunitajiet.
Stqarr kif bil-programmi ta’ ċittadinanza u residenza b’investiment, pajjiżna gawda minn ġid straordinarju tul l-eżistenza tagħhom.
Qal, “Weħidhom iġġeneraw b’mod dirett, mhux qed ngħodd il-mod indirett, iġġeneraw ‘il fuq minn elf u seba’ mitt miljun fl-ekonomija tagħna, jiġifieri biljun u seba’ mitt miljun, fl-ekonomija tagħna. Fit-triq, il-Gvern dejjem kien wieħed għaqli u rrikonoxxejna l-fatt li għandna nerfgħu parti minn dak il-ġid.”