Infetħet berġa għall-kura primarja fil-Belt bħala parti minn kullana ta’ investimenti biex servizzi ewlenin tas-saħħa jkunu offruti fil-komunitajiet. B’kollox, dan l-investiment se jlaħħaq l-għaxar miljun ewro.
Il-proġett tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, u s-Segretarju Parlamentari għall-Komunitajiet Alex Muscat. Hawn il-Ministru Fearne spjega fost is-servizzi offruti se jkunu tal-podjatrija, għajnuna fil-komunikazzjoni tat-tfal u l-adulti, fosthom wara li jkunu għaddew minn operazzjoni u anki testijiet tad-demm.
Fl-aħħar sentejn u nofs il-Gvern ċentrali beda proġett biex f’kull belt jew raħal ikun hemm berġa rinovata jew kompletament ġdida madwar Malta u Għawdex kollha. Bil-berġa l-ġdida tal-Belt, minn dan il-proġett tlestew 14-il berġa.
Bħalissa għaddej ukoll xogħol fuq numru ta’ bereġ oħra li se jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin, fosthom f’Santa Luċija, Wied il-Għajn, Ta’ Giorni, u għaddej xogħol ukoll biex tinkiseb berġa ġdida għal Ħal Tarxien.
Il-proġett kien possibbli grazzi wkoll għall-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali l-NDSF, li fi kliem is-Segretarju Parlamentari Muscat, jeżisti biex itejjeb lis-soċjetà.
“Naħseb li llum għandna eżempju ċar ta’ kif jista’ jsir dan. Kif il-ġid li nġibu jasal fil-komunitajiet tagħna mingħajr ma nitfgħu l-ebda piż fuq min iħallas it-taxxa f’Malta.”
Is-Sindku tal-Belt Alfred Zammit qal li berġa bħal din kienet ilha mistennija mill-komunità Beltija u rringrazzja lill-gvern ċentrali tal-isforzi tiegħu biex il-komunitajiet ikollhom il-kura tas-saħħa meħtieġa.