Roberta Metsola nsistiet li, fil-politika, l-agħar ħaġa li politiku jista’ jagħmel hu li “ma jagħmel xejn” u li jevita milli jiddeċiedi. F’kelma waħda, kienet qed tgħid li politiku ma jistax joqgħod b’sieq ’l hawn u sieq ’l hemm.
Hi qalet dan waqt intervista li kellha fil-programm ‘XTRA’ fuq l-istazzjon nazzjonali, li ġie rrekordjat mill-uffiċċju tagħha fi Brussell.
Din id-dikjarazzjoni ta’ Metsola wasslet biex numru ta’ persuni midħla sew fil-Partit Nazzjonalista avviċinaw lil ONE News u spjegaw kif Metsola tgħid mod u tagħmel ieħor, għax hi magħrufa sew kif tpoġġi sieq naħa u sieq oħra biex tkun tista’ tintogħġob ma’ kulħadd.
Huma kienu qed jirreferu partikolarment għall-mod kif Metsola ġabet ruħha, fost ħafna okkażjonijiet oħrajn, meta 17-il deputat Nazzjonalista wettqu konġura biex jitqaċċat Adrian Delia minn Kap Nazzjonalista.
ONE News waslitlu informazzjoni li Metsola allegatament kienet saħansitra laqqgħet lil uħud mid-deputati tal-“Blue Heroes” fid-dar tal-ġenituri tagħha fis-Swieqi, meta kienet għaddejja din il-konġura kollha.
Aktar minn hekk, ONE News informat ukoll li, dak iż-żmien, Metsola kienet anke ħadet sehem f’laqgħat onlajn bejn deputati tal-establishment, li kienu qed jiddiskutu t-tneħħija ta’ Delia minn Kap, u waqt li, minn wara l-kwinti, kienet qed tagħmel dan, kien hemm nies minn tagħha li kienu kemm man-naħa ta’ Delia u anke ma’ Bernard Grech.
Fil-fatt, l-istess sorsi qalulna li Metsola kienet taf b’kollox li kien għaddej u li kollox sar bil-barka tagħha.
“Kien hemm Chris Falzon, impjegat ta’ Metsola, li kien all-out ma’ Delia, u jattakka fuq Facebook lil dawk li kienu qegħdin jaħdmu biex iqaċċtuh minn Kap u kien hemm Norvin Spiteri tal-Mosta, impjegat ieħor ta’ Metsola, li kien qed imexxi l-house gatherings ta’ Bernard Grech. B’hekk, fil-moħbi, Metsola kienet qiegħda taħdem kontra Delia u, fil-pubbliku, kellha nies tagħha naħa u oħrajn fuq in-naħa l-oħra. B’hekk, Metsola tat l-impressjoni li ma kienet ħadet l-ebda naħa,” komplew is-sorsi.
Sadanittant, dawn komplew li, quddiem l-attakk ta’ Kevin Cassar fuq Alex Borg, “Metsola baqgħet b’ħalqa magħluq u ma ħarġitx tikkundanna lil ħaten Beppe Fenech Adami u, wisq inqas, tappoġġja lil Alex (Borg). Lanqas marret għal-laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, li ddiskuta din il-kriżi fil-PN, anke jekk dakinhar kienet Malta u kellha coffee morning.”