Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni offriet għajnuna addizjonali lill-Kunsilli Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u Buġibba permezz ta’ kampanja ta’ indafa ta’ emerġenza li bdiet nhar it-Tnejn li għadda. Din kienet possibbli grazzi għal kollaborazzjoni sħiħa mal-Ministeru għall-Finanzi.
Kuljum, tmien ħaddiema mid-diviżjoni qegħdin jintbagħtu f’dawn iż-żoni biex jagħtu servizz ta’ ġbir ta’ skart addizzjonali fil-5:00pm, ħasil ta’ toroq arterjali, u ż-żamma ta’ għamara tat-triq, bħal bankijiet fost l-oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika, u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista innota dawn ir-riżultati straordinarji b’sodisfazzjon, speċjalment meta wieħed iqis li dan ix-xogħol sar fi żmien qasir. Lura f’Mejju wegħdna li l-indafa se tkun prijorità għall-kunsilli lokali, iżda hemm lokalitajiet li għandhom bżonn aktar attenzjoni minn oħrajn. San Pawl il-Baħar u Buġibba huma eżempji ċari ta’ dan minħabba d-daqs tagħhom u anke minħabba n-numru ta’ residenti u viżitaturi.
Dawn il-lokalitajiet għandhom bżonn interventi kontinwi biex jinżammu fl-aqwa tagħhom. Bħalma tajna l-għajnuna lil dawn iż-żewġ lokalitajiet, se nagħtu l-għajnuna wkoll lil bliet u rħula oħrajn biex f’dawn ix-xhur tas-sajf inżommu lil pajjiżna fl-aqwa stat possibbli għat-turisti u għar-residenti kollha.