Għal din l-edizzjoni ta’ World Cleanup Day, 45 Kunsill Lokali bbenefikaw minn fondi sabiex, matul ix-xahar ta’ Settembru, jorganizzaw attivitajiet ta’ tindif u ġbir ta’ skart fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
Dawn l-attivitajiet ivarjaw minn tindif fit-toroq u spazji miftuħa sa ġbir ta’ skart minn diversi ġonna, bajjiet u saħansitra taħt l-ilma.
Permezz ta’ dawn il-fondi, il-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar se jkun qed iniedi wkoll kampanja ta’ edukazzjoni b’kollaborazzjoni mal-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji dwar l-immaniġġjar tal-iskart iġġenerat min-negozji.
Din l-iskema finanzjarja ġiet imnedija mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, għat-tieni sena konsekuttiva.
Din il-ġurnata hi maħsuba biex tindirizza l-problema globali tal-iskart, u fuq bażi annwali tgħaqqad numru ta’ voluntiera, gvernijiet u organizzazzjonijiet.
L-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva huwa li l-kunsilli jgħaqqdu l-komunitajiet rispettivi tagħhom sabiex isir tindif.
Is-Sindku tal-lokal ta’ Pembroke, spjega kif għall-ewwel darba, qed tiġi organizzata din il-cleanup f’World Clean Up Day. Żied jgħid li saħansitra saret kollaborazzjoni mal-NGO, ŻIBEL.
“Dak li jispiċċa fl-imkejjen naturali tagħna, nirringrazzja lill-NGO, ŻIBEL, u nies oħrajn li magħhom minn żmien għal żmien, nikkollaboraw biex inżommu dak li jispiċċa fl-imkejjen naturali tagħna, jinġabar u jiġi dispost fis-siti idonji.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli żaret diversi lokalitajiet fejn kienu qed isiru clean-ups, fosthom il-lokalità ta’ Pembroke u l-Imsida.
“Żorna l-Imsida u Pembroke, fejn numru ta’ voluntiera, u NGOs taw daqqa t’id lill-Kunsilli Lokali, biex ikollna ibħra u toroq aktar nodfa.”