Il-Ministeru għal Għawdex organizza attività ta’ tindif fuq l-art u anke fil-baħar fl-okkażjoni ta’ Earth Day 2018.
F’din l-attività l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana żaret il-postijiet kollha fejn sar it-tindif. Filwaqt li rringrazzjat lill-participanti kollha, Justyne Caruana ħadet l-opportunità biex tgħaddi ukoll messaġġ dwar l-importanza li jitnaqqas l-ammont ta’ skart li jintrema barra u dwar l-impatt negattiv li l-iskart jkollu fuq l-ambjent naturali. Dan għaliex l-iskart mhux biss iħammeġ l-ambjent ta’ madwarna imma qed ikollu effett negattiv fuq saħħitna. Il-maskot ‘Bruxkinu’ kien ukoll preżenti biex janima din l-attività. B’kollox inġabru mas-sebgħin xkora ta’ skart li jinkludu fliexken tal-ħġieġ u tal-plastic, frames tat-twieqi, kartun u għotjien ta’ tankijiet tal-ilma fost oġġetti żgħar oħra. Il-Ministeru għal Għawdex sostna din l-attività billi pprovda s-servizzi tal-Cleansing Department u tal-Intervention Team li għenu biex jinġabar l-iskart minn dawn il-postijiet. Il-Malta Tourism Association tat is-sehem tagħha f’għajnuna lill-ERRC.
Dan it-tindif sar f’żewġ żoni fil-Wied ta’ Marsalforn, Triq ta’ Għajn Ħosna fix-Xagħra, fis-Sanap il-Munxar u ż-żona tal-Kantra fix-Xlendi. Għal din l-attività ħadu sehem tfal mill-iskejjel tal-Primarja tal-Konservatorju tal-Isqof, mill-Primarja St Francis u mis-Sekondarja tas-Seminarju Minuri, l-ERRC u numru ta’ għaddasa mill-Bubbles Dive Centre, Atlantis Diving, St Andrews Diving Gozo, Utina Diving College, Moby Dives, Nautic Team u Sunday Dive Club.
Din l-attività kienet immirata biex il-Ministeru għal Għawdex iwassal messaġġ ċar favur il-protezzjoni ambjentali u sabiex titqajjem kuxjenza fost il-komunità għaż-żamma ta’ Għawdex aktar nadif. Għalhekk inizjattiva konkreta biex Għawdex jingħaqad mal-bqija tad-dinja biex jgħaddi messaġġ b’ saħħtu favur Earth Day. Il-Ministru Justyne Caruana appellat lill-pubbliku li jkun irid jorganizza jew jipparteċipa fi clean up events għandu jikkordina mad-Dipartiment Eko Għawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex billi timtela formula online li tinkiseb minn fuq mgoz.gov.mt jew minn fuq il-mobile app MyGozo.