L-Għaqda Banda Beland Żejtun din il-ġimgħa qed ittella’ programm mużikali f’Ruma u l-Vatikan imwettaq grazzi għal Fond tad-Diplomazija Kulturali immexxi mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ.
Intant, ilbieraħ filgħaxija il-Banda Beland Żejtun tellgħet kunċert ta’ mużika Maltija tal-ogħla kwalità fil-Consevatorio di Musica Santa Cecilia, tant rinomat f’Ruma taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Ray Sciberras.
Fid-diskors tal-ftuħ tas-serata l-Ministru Carmelo Abela qal li jirrikonoxxi li l-kultura hija vitali biex titjieb id-diplomazija u l-kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi. Huwa awgura lis-60 mużiċist għat-talent tagħhom u semma’ kif għalkemm mhumiex full-timers huma ferm iddedikati.
Huwa qal li din hija t-tieni darba fl-2019 li każini tal-baned Maltin qed itellghu kunċerti ta’ kwalità f’ċentri tal-muzika stabbiliti barra ‘l pajjiż assistiti mill-Fond tad-Diplomazija kulturali taht il-Ministeru responsabbli mill-Affarijiet Barranin.
Dan il-proġett sar b’kordinazzjoni mal-Ambaxxata Maltija għal Ruma mmexxijja minn Vanessa Frazier u mill-Ambaxxatur ta’ Malta għal Vatikan Frank Zammit flimkien mal-Ministeru responsabbli mill-Affarijiet Barranin.