Arnold Farrugia ta’ 50 sena kellu s-sentenza ta’ għaxar xhur ħabs mibdula wara li l-Qorti tal-Appell ma sabitux ħati li kien kompliċi fi frodi.
Il-każ jeħodna lura għall-2012 meta allegatament, Farrugia flimkien ma’ Martin Degabriele ikkommettew frodi għad-dannu tal-kumpanija Gasan Enterprises. Il-Qorti semgħet kif l-akkużat kien jagħmel xogħol fuq minibuses ta’ Degabriele meta dawk kienu bil-ħsara, u l-kumpanija ntalbet tħallas dan kollu.
F’affidavit maħluf, l-akkużat qal li l-ispiża tax-xogħlijiet li għamel kienet ta’ €26,000, iżda aktar tard huwa rtira dan l-ammont għaliex fil-verità l-ispiża kienet anqas.
Fl-appell, Farrugia sostna li l-ewwel stqarrija tiegħu ma kellhiex tiġi kkunsidrata għaliex saret mingħajr l-għajnuna jew il-preżenza ta’ avukat. Il-Qorti tal-Appell laqgħet din it-talba u kkunsidrat li l-imputat irtira d-dikjarazzjoni falza li kien għamel min jheddu, u għalhekk ma kellux għax jinstab ħati.