Il-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy bidlet id-deċiżjoni li twaħħal mal-250 student wara att ta’ qerq waqt eżami online x-xahar li għadda.
Minflok huma dawk l-istudenti li qarrqu li ġew penalizzati.
Dan il-każ kien qajjem għagħ wara li sar magħruf li waqt eżami tal-ewwel sena għal studenti li qed jistudjaw biex jiksbu baċċellerat, kien hemm konversazzjoni għaddejja bejn l-istudenti jitolbu għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-eżami matematiku.
Il-bord tad-dixxiplina mmexxi mid-Dekan tal-Fakultà, il-Professur Frank Bezzina, ġie inkarigat sabiex jirrevedi d-deċiżjoni.
Il-membri l-oħra tal-bord kienu l-Viċi Dekan, il-Professur Vincent Cassar, u r-rappreżentant tal-istudenti, Zane Camilleri.
Dawk l-istudenti kollha li kienu involuti fiċ-chat ingħataw id-dritt għal smigħ billi setgħu jiġġustifikaw il-parteċipazzjoni tagħhom fiċ-chat.
B’hekk il-bord tad-dixxiplina seta’ jiddetermina il-livell ta’ involviment ta’ kull student.
Fil-każijiet fejn irriżulta li l-istudenti ftiehmu bejniethom, il-bord għamel twissija formali kontra din l-imġieba inaċċettabbli.
Dawk l-istudenti li ngħataw twissija ġew ukoll penalizzati billi l-marki oriġinali tagħhom tnaqqsu skont il-gravità tal-kollużjoni tagħhom.
Dwar dan il-każ, ONE News kien żvela siltiet miċ-chat fejn fiha kien hemm nies jitkellmu dwar tweġibiet u mistoqsijiet fil-ħin tal-eżami.
ONE News ra wkoll kif parti mill-kontenut taċ-chat li ntużat waqt l-eżami tħassar hekk kif iċ-chat fuq messenger tagħtik iċ-ċans tħassar messaġġ li tkun bgħatt.
Studenti li oriġinarjament intlaqtu għaliex kienu se jeħlu issa jidher li huma kuntenti bid-deċiżjoni riveduta hekk kif issa, mal-ħażin ma weħilx it-tajjeb.