Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar ix-xogħlijiet li saru fi Triq l-Imgħallem, ir-Rabat, wara li din it-triq b’tul ta’ 450 metru nbniet mill-ġdid u ngħatat it-tarmak b’investiment ta’ kważi miljun ewro.
Il-Ministru Camilleri qal li “Triq l-Imgħallem saret mill-ġdid u issa hija kompluta wara li ngħatat it-tieni kisja tarmak. Imiss issa li nibdew il-junction il-ġdida ta’ bejn Triq il-Imgħallem, it-Triq ta’ Wara s-Sur u Triq Wied Sara sabiex jiġi eliminat darba għal dejjem il-bottleneck li jistaġna t-traffiku f’din il-parti tar-Rabat.” Huwa kompla jispjega li x-xogħlijiet f’din it-triq kienu jinkludu wkoll bankini ġodda u titjib tal-ispazji tal-parkeġġ, tal-bus bays u tas-sistema tat-traffiku inġenerali.
Barra minn hekk, inbnew ukoll ħitan tal-ilqugħ u ħitan tas-sejjieħ ġodda, saret infrastruttura ġdida inklużi pajpijiet ġodda tal-ilma, sistema ġdida tad-drenaġġ u pajpijiet tat-telekomunikazzjoni u servizzi tad-dawl fil-bankini. Saru wkoll żewġ pajpijiet li jiġbru u jwasslu l-ilma tax-xita mit-toroq kollha miċ-Ċittadella u mill-Għolja ta’ Gelmus u permezz ta’ culverts ġodda jwasslu anki lejn il-Wied tal-Grazzja minn fejn l-ilma jista’ jiġi użat mill-bdiewa.
Ix-xogħol fi Triq l-Imgħallen sar kollu f’żona skedata u kien kontinwament issorveljat minn arkeologi bl-approvazzjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (SCH).
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li l-ħidma infrastrutturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex se tibqa’ għaddejja sabiex ikompli jittejjeb il-livell tal-infrastruttura madwar Għawdex kollu