Qed isir xogħol infrastrutturali fit-triq prinċipali li twasslek għar-raħal tal-Imqabba b’tul ta’ ftit inqas minn kilometru.
Il-bini mill-ġdid ta’ Triq l-Imqabba li qed isir minn Infrastruttura Malta hu stmat li se jammonta għal miljun u tliet mitt elf ewro.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi, spjega li tul din it-triq sar dawl ġdid, tħawlu aktar siġar u arbuxelli. Filwaqt li qed jinbena ġibjun li jesa’ sittin elf litru sabiex l-ilma tax-xita jintuża għat-tisqija.
Qal, “Hija triq b’differenza, b’differenza għalxiex? Għax filwaqt li wieħed kien jistenna forsi li just nagħtu l-asfalt, hawnhekk għamilna servizzi ġodda, imma għamilna wkoll bankina. Filwaqt li qabel, hija triq li tgħaqqad l-Imqabba ma’ lokalitajiet oħra ma’ Ħal Kirkop, ma kienx hemm fejn wieħed jimxi, issa għandek bankina fejn wieħed jista’ jimxi.”
Ix-xogħol fi Triq l-Imqabba jsegwi dak li sar aktar kmieni din is-sena fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija li saret b’investiment ta’ miljun u mitejn elf ewro.
Is-Sindku tal-lokal, Omar Farrugia, fisser dawn il-proġetti u oħrajn bħala qabża fil-kwalità fit-toroq Imqabbin.
Spjega, “Matul dawn l-aħħar snin rajna qabża ‘l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura fit-toroq tal-Imqabba, toroq arterjali kif qegħdin hawnhekk illum, toroq residenzjali, toroq rurali illi żgur ser ikun qed igawdi minnhom kulħadd. Toroq li ilhom minsija għal għexieren ta’ snin u kien propju dan il-Gvern b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali li din il-ħolma qed inġibuha realtà.”
Intant, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg spjega kif dan ix-xogħol huwa parti mill-pjan akbar tal-Gvern b’rabta mat-toroq li qed isiru madwar il-pajjiż.
Qal, “Jekk wieħed iħares lejn ix-xogħol li għamilna mir-Rabat għas-Siġġiewi li eventwalment iwasslek għall-Imqabba, u x-xogħol li għaddej estensiv meta tgħaqqad ma’ Ħal Luqa u allura Ħal Farruġ dak kollu juri l-impenn tagħna għal anke din iż-żona tal-pajjiż, xi ħaġa li qed nesperjenzaw madwar il-pajjiż kollu.”