B’investiment ta’ madwar miljun ewro, l-Aġenzija Infrastruttura Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ Dawret il-Qalb Imqaddsa f’Birżebbuġa. Din it-triq iddur max-xatt ta’ Birżebbuġa, mill-Bajja ta’ San Ġorġ sal-Bajja s-Sabiħa.
Ix-xogħol fuq it-triq, li hi twila madwar kilometru u mitejn elf metru, inksiet b’madwar elfejn u sitt mitt tunnellata asfalt.
Dwar dawn ix-xogħlijiet tkellimna mal-perit responsabbli mill-proġett.
Qal, “Hawnhekk saru diversi servizzi, b’din it-triq fiha madwar 1.2 kilometri. Saru kejbils u pajpijiet taħt l-art, biex b’hekk setgħu għaddew diversi servizzi minn ġo fihom. Inbnew ukoll diversi bankini, li kienu fi stat ħażin u dawn eventwalment saru ġodda.”
Il-perit qal li partijiet mit-triq kienet dgħajfa u bdew iċedu u spjegalna x’kien il-proċess qabel setgħu jsiru s-servizzi u jingħata l-alfalt f’din it-triq.
Spjega, “Sibna diversi ħsarat li jiġu kkawżati mill-ilma u għalhekk inħasset il-ħtieġa li nagħmlu struttura aktar stabbli. Saret struttura bil-konkos. Il-konkos kellna nitrattawh, il-konkos, peress li huwa qrib il-baħar u ġie miżjud b’additives apposta, li jittrattaw kemm il-konkos kif ukoll ix-xibka tal-azzar li tkun qed tintuża f’din l-istruttura.”
It-tiġdid ta’ din it-triq kien jinkludi wkoll il-bini ta’ sistemi ġodda għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita mat-triq. Dan sar b’investiment separat ta’ erbat mitt elf ewro, li sar minn Infrastruttura Malta u mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi sabiex ittaffi d-diffikultajiet tal-għargħar bil-maltemp.
Minn Jannar ta’ din is-sena, l-aġenzija Infrastruttura Malta lestiet madwar erbgħin triq residenzjali f’diversi lokalitajiet madwar pajjiżna u bħalissa qed twettaq il-bini mill-ġdid ta’ aktar minn ħamsin triq residenzjali oħra.
Is-sena li għaddiet, l-aġenzija Infrastruttura Malta bniet mill-ġdid mitejn u għoxrin triq residenzjali oħra; medja ta’ erba’ toroq fil-ġimgħa.