Kienu tliet ġimgħat iebsa, kemm għal Timmy, kelb tar-razza Chihuahua u kif ukoll għal sidtu li għal dawn l-aħħar ġimgħat daret Malta kollha flimkien ma’ tal-familja u sħabha biex isibuh wara li żgiċċa mill-bieb tad-dar qrib il-Fgura. Kien grazzi għal suldat li dalgħodu tella ritratt ta’ Timmy m’għannaq miegħu fuq is-sit soċjali Facebook jistaqsi jekk kienx ta’ xi ħadd wara li sabu jdur fuq ġewwa l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bħal donnu jfittex lil xi ħadd.
Kien minn hemm li dlonk sidtu Valentina kkuntattjatu u kif marret tarah, fejn minn hemm saret taf li kien propju Timmy. Għalkemm kien ilu nieqes tliet ġimgħat, Timmy tilef ftit mill-piż iżda jinsab f’saħħa tajba.
Sidt Timmy xtaqet tirringrazzja lil kull min b’xi mod kien ta’ għajnuna tul dawn it-tliet ġimgħat iebsin. Hi sostniet li kieku ma kienux dawk il-ħafna li xerrdu l-kelma, għenew fit-tqassim tal-posters u kif ukoll għenew permezz tal-midja soċjali, jista’ jkun li Timmy kieku għadu mitluf.