Il-Membru tal-Parlament Ewropew, David Casa, ipprova jieħu Brussell l-allegazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista fil-konfront tal-Prim Ministru u kumpanija fil-Panama. Saħansitra, għamel domanda Parlamentari fejn qal li l-Kummissjoni Ewropea għandha tħares lejn dak li qed jiġri f’pajjiżna. Dan għax skont hu s-saltna tad-dritt hija mhedda.
Lill-Kummissjoni Ewropea mar jgħidilha li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu pożizzjoni li hi kompromessa u talabha biex issegwi dak li qed jiġri f’pajjiżna. Iżda, t-tweġiba tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea kienet ċara.
L-allegazzjonijiet li rrefera għalihom David Casa huma suġġett ta’ inkjesti Maġisterjali f’Malta u għalhekk lanqas biss tikkummenta.
Fi kliem ieħor l-inkjesti maġisterjali għandhom jitħadmu fil-kwiet u mingħajr pressjoni, mhux kif qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista.
“Hija l-politika tal-Kummissjoni Ewropea li ma tikkummentax fuq inkjesti u investigazzjonijiet individwali li jkunu għaddejjin,” qal Timmermans.
Ftit hemm dubju li wara tant snin fil-Parlament Ewropew David Casa jaf sew ir-regoli tal-Kummissjoni Ewropea. Iżda, din kienet waħda mill-ħafna tentattivi tal-aħħar xhur bil-għan li ssir pressjoni fuq pajjiżna b’rabta mal-Panama Papers.
Pressjoni li l-Partit Nazzjonalista prova juża biex jipprova jieħu gwadann elettorali. Iżda, għal darb’oħra din sfumat fix-xejn u din id-darba kien il-Viċi President tal-Kummissjoni Timmermans li bagħat ‘l hemm lil David Casa.