Il-Federazzjoni Taljana, li tieħu ħsieb il-kampjonat Taljan iddeċidiet li dawk it-timijiet li se jieħdu sehem fil-European Super League se jkunu esklużi milli jieħdu sehem fil-kampjonat tas-Serie A.
Dan l-iżvilupp seħħ wara li ftit tal-jiem ilu kien hemm id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, li sabet il-UEFA u l-FIFA – l-akbar żewġ assoċjazzjonijiet tal-futbol fid-dinja – li kisru l-liġi wara li waqqfu u mblokkaw il-proċess biex jiġi ffurmat dan il-kampjonat imsejjaħ Super League.
Fil-fatt, il-Ġimgħa, il-federazzjoni Taljana approvat klawsola li tipprojbixxi timijiet Taljani milli jidħlu f’dan il-kampjonat.
Din id-deċiżjoni se taffettwa mhux ftit lill-klabb Taljan ta Juventus, hekk kif l-eks President tiegħu Andrea Agnelli, kien wieħed minn dawk li mbotta ’l quddiem biex isir dan il-kampjonat, b’dan il-klabb qatt ma ħareġ pubblikament kontra s-Super League.
Dan flimkien mal-President ta’ Real Madrid Florentino Perez u l-President ta’ Barcelona, Juan Laporta.
Din id-deċiżjoni mill-federazzjoni Taljana ssegwi deċiżjonijiet ta’ timijiet oħrajn madwar l-Ewropa, fosthom dawk Ingliżi, li mad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea ħabbru li mhux se jieħdu sehem f’dan il-kampjonat.
Dan il-kampjonat inħoloq sentejn ilu fl-2021, fejn kienu ngħaqdu b’kollox tnax-il tim, iżda reżistenza mill-partitarji ta’ dawn it-timijiet, wasal biex dawn l-istess timijiet jirtiraw minn din il-kompetizzjoni, meta kienu għadu lanqas biss beda.