Bejn it-tmienja u t-tnax ta’ Frar, se jkunu hawn Malta timijiet tal-football mill-Iżvizzera u l-Ġermanja. Se jingħaqdu ma’ timijiet Maltin, biex b’kollox, għaxar timijiet tal-football se jikkompetu f’pajjiżna.
Huma timijiet speċjali, għax il-players kollha għandhom aktar minn erbgħin sena. Uħud mit-timijiet huma rinomati, bħal ngħidu aħna VfR Aalen, Old Boys Basel, SG Hoechst Classique u t-tim nazzjonali tal-40+ minn Malta.
Se tkun l-ewwel darba li dan l-avveniment qed isir bl-għajnuna tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
L-iskeda tat-turnew tħabbret diġà, inkluż ħinijiet ta’ kick-off.
Kampjonati nazzjonali ta’ min għandu aktar minn 32, 40 u 50 sena kienu introdotti biex players li kienu professjonisti ikollhom l-opportunità ikomplu jilgħabu b’mod kompetittiv. Bil-Malta Soccer Trophy 40+, inħolqot kompetizzjoni ġdida bil-għan li twassal għal Champions League għal players ta’ aktar minn erbgħin sena.