L-Emergency Fire and Rescue Unit (EFRU) għadha kif nediet l-ewwel konferenza multinazzjonali tagħha The Volunteer Rescuer – A Unified Approach, li hija l-qofol ta’ jumejn ta’ attivitajiet għal timijiet volontarji tas-salvataġġ minn madwar id-dinja.
Dan bħala parti mill-proġett ta’ sentejn li għadhom kif wettqu, finanzjat mill-Erasmus+ KA2 Strategic Partnerships.
Għal dawn l-aħħar sentejn, il-proġett immexxi mill-assoċjazzjoni Maltija EFRU, għaqqad lil timijiet ta’ voluntiera minn madwar l-Ewropa u lil hinn biex flimkien, jidentifikaw, jaqsmu u jistandardizzaw l-aħjar prattiċi fit-taħriġ tas-salvataġġ, bl-għan li jkunu mħejjija tajjeb biex jintervjenu f’diżastri kbar filwaqt li jiffaċilitaw l-interoperabilità bejn it-timijiet minn pajjiżi differenti. Barra minn hekk, il-proġett kien ukoll pjattaforma għall-ħolqien tal-ewwel sett ta’ linji gwida għal timijiet ta’ voluntiera fil-qasam tas-salvataġġ bl-isem Introductory Manual for European Volunteer Rescuers. Fil-fatt, parti sinjifikanti ta’ dan il-proġett kienet li ssaħħaħ u tagħti sostenn lill-assoċjazzjoni ta’ timijiet tas-salvataġġ Ewropej EVOLSAR, li twaqqfet fl-2014. Din l-assoċjazzjoni dejjem tikber ta’ organizzazzjonijiet volontarji llum hija pass importanti fix-xogħol tal-EFRU flimkien mal-għaqdiet volontarji Ewropej l-oħra biex jikkonsolidaw il-metodi ta’ xogħolhom.
Wara sensiela ta’ laqgħat bejn il-parteċipanti, simulazzjonijiet tas-salvataġġ u fora multinazzjonali, il-proġett issa wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu. Il-publikazzjoni tal-manwal tas-salvataġġ tlestiet u l-parteċipanti kollha nġabru għall-aħħar eżerċizzju ta’ simulazzjoni lbieraħ u konferenza llum li se tikkonkludi x-xogħol ta’ dawn l-aħħar sentejn. F’din il-konferenza, b’kollox qed jipparteċipaw 24 tim ta’ volontiera minn 14-il pajjiż. Fost dawn it-timijiet hemm l-Edelweiss (Italja), Serve On (Renju Unit), ETSM (magħrufa wkoll bħala EP.OM.E.A., Greċja), EPS (Portugall) u CCPVC (Ċipru), li taw sehemhom f’dan il-proġett sa mill-bidu tiegħu u flimkien mal-EFRU llum huma meqjusa l-pilastri tal-EVOLSAR u x-xogħol ta’ din ix-xirka ta’ għaqdiet minn madwar id-dinja.
Il-konferenza tal-lum qed issir fil-forti Sant’ Anġlu. Fost il-kelliema, kien hemm id-direttur tal-EFRU is-sur Ivan Barbara u l-koordinatur tal-proġett is-sa Maria Vassallo Micallef. Indirizzaw l-udjenza wkoll il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali l-Onorevoli Carmelo Abela kif ukoll id-Deputat Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili is-sur Peter Paul Coleiro. Kelliema oħra minn Malta u minn pajjiżi oħra se jippreżentaw temi differenti tul il-ġurnata li se tasal fi tmiemha waranofsinhar.