Tim ta’ esperti internazzjonali li qed jinvestigaw minn fejn seta’ oriġina l-COVID-19, kważi ċaħdu għal kollox it-teorija li l-virus beda minn ġo laboratorju.
Peter Ben Embarek, il-Kap tal-missjoni li qed titmexxa mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa, qal li hija remota ħafna l-possibilità li l-virus ħareġ minn ġo laboratorju fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan, u qal li hemm bżonn iżjed ħidma biex ikun identifikat is-sors tal-virus.
Il-kummenti li ta dan l-espert saru wara t-tmiem ta’ missjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa b’kollaborazzjoni maċ-Ċina, hekk kif l-ewwel post fejn feġġ il-virus kien fil-provinċja ta’ Hubei f’Wuhan.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Dr Embarek qal li l-investigazzjoni tat-tim sabet informazzjoni ġdida imma ma bidlitx wisq l-istampa li kellhom diġà dwar l-imxija.
L-esperti jemmnu li l-virus oriġina mill-annimali qabel ma feġġ fil-bniedem, imma ma jafux kif.
Dr Embarek qal li minkejja li bosta jemmnu li l-virus oriġina mill-friefet il-lejl, aktarx dan ma sarx f’Wuhan.
Fil-fatt, l-esperti qalu li m’hemm l-ebda indikazzjoni li l-virus kien qed jiċċirkola f’Wuhan qabel ġew irreġistrati l-ewwel każi uffiċjali hemmhekk f’Diċembru tal-elfejn u dsatax.