Minkejja d-diversi attentati biex tiġi salvata ħajjet Pelin Kaya, dawn irriżultaw kollha fin-negattiv.
Hekk xehed it-Tabib Michael Spiteri hekk kif matul il-jum tal-Ħamis kompliet il-kumpilazzjoni il-konfront ta’ Jeremie Camilleri ta’ 33 sena minn Ħal Lija li jinsab mixli bil-qtil tat-tfajla Torka ta’ 30 sena, Pelin Kaya. L-allegat qtil seħħ fit-18 ta’ Jannar li għadda fl-Imsida meta l-vittma ttajret mill-karozza li kien qed isuq l-akkużat ħdejn stabbiliment tal-ikel.
It-Tabib Spiteri xehed li hu mar fuq il-post għal ħabta ta’ siegħa u għoxrin ta’ filgħodu fejn hemm sab tim minn Mater Dei li kienu qegħdin jieħdu ħsieb mara fuq bankina li kellha qalbha wieqfa. Xehed ukoll li kien hemm il-pulizija li kienu qed jieħdu ħsieb persuna oħra li kien aggressiv.
Qal ukoll li Pelin Kaya kellha diversi feriti iżda l-prijorità dak il-ħin kienet li terġa’ tibda taħdem qalbha. Żied jgħid li sakemm Pelin Kaya ddaħħlet l-isptar qalba baqgħet wieqfa u ġiet dikjarata mejta ftit tal-minuti wara.