Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Kulleġġ għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija ntqal li llum saret laqgħa ta’ medjazzjoni bejn l-MCAST u l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, bil-għan li tissolva t-tilwima industrijali bejn iż-żewġ partijiet. Din il-laqgħa saret bl-intervent ta’ medjatur indipendenti miftiehem miż-żewġ partijiet, iżda sa issa għadu ma ntlaħaqx ftehim u għalhekk għada mistennija aktar taħditiet.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni tenna l-pożizzjoni tiegħu favur id-drittijiet tal-istudenti biex jiksbu r-riżultati tagħhom u se jappoġġa lill-MCAST biex jieħu l-azzjonijiet legali kif meħtieġ jekk it-taħditiet ifallu.
Meta kkummenta dwar is-sitwazzjoni attwali, il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST il-Professur Joachim James Calleja qal, “Id-direttiva hija sproporzjonata meta mqabbla mat-talbiet li qed isiru fil-konfront tat-tmexxija tal-Kulleġġ. It-tilwima hija dwar l-interpretazzjoni taż-żidiet fis-salarji tal-istruttura tal-ħlas mill-2017 sal-2018. Sal-lum, huwa biss każ wieħed li qed jiġi kkontestat. B’hekk huwa dan il-każ wieħed li qed iċaħħad lill-istudenti mid-dritt li jirċievu r-riżultati tagħhom u jwaqqaf lil-letturi milli jispiċċaw sena akkademika li tant ġabet sfidi.”
Matul sensiela ta’ laqgħat ta’ konċiljazzjoni, l-MCAST ippropona:
- Il-ftehim kollettiv għall-maniġers, li l-MCAST diġà ffirma, għandu jiġi ffirmat mill-MUT
- Jitkompla d-djalogu dwar it-talbiet l-oħra kollha
- L-MUT tissospendi d-direttiva minnufih u tħalli lill-istudenti jirċievu r-riżultati tagħhom
Sa issa, l-MUT ma ssospendietx id-direttiva kif mistenni waqt negozjati li jippromwovu relazzjonijiet industrijali pożittivi. L-MCAST se jkompli jħeġġeġ djalogu miftuħ u b’rispett biex jiżgura li d-drittijiet tal-impjegati u tal-istudenti jkunu mħarsa.