Fil-formularju tal-Gvern żdiedet tilqima ġdida kontra l-kanċer fl-għonq tal-utru.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne spjega li din it-tilqima, li hija wkoll miżura tal-baġit, tolqot disa’ tipi ta’ viruses fl-għonq tal-utru, b’differenza għal dik li kienet tingħata sal-lum, li tolqot biss żewġ tipi.
Biex mil-lum, il-Gvern se jipprovdi tilqima ta’ livell aqwa u t-tfajliet li jeħduha jibbenefikaw minn protezzjoni iżjed wiesgħa.
Il-kanċer fl-għonq tal-utru jista’ jolqot nisa ta’ kull età, u f’Malta jfeġġu bejn 20 u 30 każ ġdid fis-sena, allura l-appell hu biex dawk li jirċievu l-invit, jitlaqqmu.
Din it-tilqima tingħata lil tfajliet ta’ 12-il sena, u r-rispons għaliha huwa tajjeb ħafna tant li s-sena l-oħra, 90% ta’ dawk eliġibbli, tlaqqmu.
Il-Ministru tas-Saħħa fakkar li din mhix l-unika tilqima li se tiżdied fil-formularju tal-Gvern din is-sena. Se jiżdiedu tilqim u mediċini b’xejn għall-kanċer tal-prostata, għall-mard rari u għall-HIV, fost l-oħrajn.
Dr Fearne stqarr: “Mil-lum, id-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed jagħti tilqima ġdida, l-HPV Vaccine, kontra l-cancer tal-għonq tal-utru. Din it-tilqima hija waħda minn sensiela ta’ mediċini ġodda mingħajr ħlas li qed idaħħal il-Gvern f’dawn ix-xhur, fosthom tal-prostata, fosthom mediċini kontra mard tal-qalb u l-osteoporosis, biex b’hekk sal-aħħar tas-sena d-dieħla, il-pazjenti kollha b’mard kroniku ħa jkollhom mediċini mingħajr ħlas fuq il-formularju tal-Gvern.”