Il-Gvern introduċa tilqim ġdid kontra l-marda tal-Meningite fil-formularju tiegħu.
Ta’ kull sena f’pajjiżna jkun hemm bejn għaxar u ħmistax-il każ ta’ mewt jew kundizzjonijiet serji kawża ta’ din il-marda u li permezz ta’ dan it-tilqim li jindirizza fost oħrajn il-mikrobu tal-Meningococcus, pajjiżna ser ikun preparat minn fuq s’isfel kontra din il-marda.
F’konferenza tal-aħbarijiet id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li permezz ta’ din it-tilqima, il-Gvern Malti issa qed joffri t-tilqim kollu li jindirizza it-tliet mikrobi ewlenin li jikkawżaw il-Meningite.
Huwa spjega: “Illum qegħdin nintroduċu mingħajr ħlas żewġ tilqimiet oħra li huma kontra l-Meningite l-aktar komuni. Dik li hija l-Meningococcus jew il-Mengitis b li jfisser li allura issa l-Gvern se jkun qed jagħti l-firxa kollha tat-tilqim kontra l-Mengite mingħajr ħlas.”
B’hekk il-ġenituri tat-tfal li ser ikunu qed jingħataw it-tilqim kollu relatat mal-Meningite ser ikun qed jiffrankaw madwar €700.
Id-Deputat Prim Ministru sostna: “Ikun qiegħed jiffranka mas-€700 għal kull tarbija b’investiment ta’ €3 miljun fis-sena.”
Fil-fatt ftit tal-ġimgħat ilu l-Gvern kien ħabbar ukoll l-introduzzjoni tat-tilqima tal-pneumococcus lit-trabi fuq il-formularju tal-Gvern.
Tilqima li kienet tingħata biss f’pajjiżna wara ħlas ta’ €200 u li tilqa’ għall-mard fil-pulmun, il-pneumonia, u infezzjonijiet fl-imnifsejn u fil-moħħ.