Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, Stella Kyriakids, laqgħet il-proposta ta’ Malta dwar il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tistudja mill-qrib il-livell ta’ immunità li joħloq il-vaċċin kontra l-COVID-19.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien issuġġerixxa li l-Unjoni Ewropea tistudja l-immunità tal-vaċċin biex tittieħed deċiżjoni dwar il-possibilità ta’ doża ta’ ‘booster’ fil-futur.
Hija laqgħet din il-proposta f’ittra li bagħtet lil Chris Fearne bħala tweġiba għal ittra li kien bagħtilha hu, li fiha insista li kemm-il darba l-istudji juru l-bżonn tat-tielet doża, l-istati membri jerġgħu jakkwistaw il-konsenji b’mod konġust.
B’hekk, pajjiżna jerġa’ jkun assigurat biżżejjed dożi għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Fl-ittra tagħha, il-Kummissarju Kyriakids laqgħet din il-proposta u appellat lill-istati membri biex jibqgħu f’kuntatt kontinwu maċ-Ċentru Ewropew għall-Kura u l-Prevenzjoni tal-Mard biex il-programm ta’ tilqim Ewropew ikompli jissaħħaħ.