Il-Membru Ewro-Parlamentari Marlene Mizzi laqgħat il-kunċett ta’ użu ġust għal roaming b’xejn, iżda talbet għal protezzjoni tal-konsumatur aktar b’saħħitha
Wara l-ewwel prova diżastruża biex ikun hemm limitu fuq ir-roaming mingħajr tariffi żejda għal 90 jum fis-sena, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet regoli ġodda biex jitwarrbu t-tariffi tar-roaming tal-mowbajl sa Ġunju 2017.
Skont il-proposta l-ġdida, m’għandux ikun hemm limiti fuq il-konsumaturi meta jużaw il-mowbajl waqt li jkunu msefrin fl-Unjoni Ewropea, iżda jkunu jridu jagħtu prova ta’ konessjoni stabbli mal-istat membru minfejn tkun ħarġet is-SIM card.
Bħala l-kelliema tal-S&D fuq id-drittijiet tal-konsumatur u membru tat-tim ta’ negozjati fuq il-leġiżlazzjoni tar-roaming, il-MPE Marlene Mizzi talbet lill-Kummissjoni tiċċara ċerti mistoqsijiet li għad fadal dwar ir-regoli l-ġodda biex tkun garantita protezzjoni tal-konsumatur b’saħħitha.
“Irridu nkunu nafu kif, meta u x’se jwassal biex tintuża l-klawsola tal-użu ġust u kif se jkunu protetti l-konsumaturi minn klawsoli kuntrattwali abbużivi u assessjar suġġettiv ieħor. L-operaturi m’għandhomx jimponu piżijiet amministrattivi li m’hemmx bżonnhom jew spejjeż fuq il-konsumatur u jridu jipprovdu aċċess għal proċedura tal-ilmenti sempliċi, effiċjenti u trasparenti,” qalet Marlene Mizzi.
“Huwa normali li ladarba t-tariffi tar-roaming jitneħħew, in-nies jibdew jużaw dan is-servizz aktar. Il-konsumaturi ma jistgħux jiġu ppenalizzati sempliċement għax issa jibdew jużaw servizz aktar, peress li qabel dan kien jiswa wisq. Nistennew li l-konsumatur jingħata dak li kien imwiegħed lilu, jiġifieri, l-abolizzjoni tat-tariffi tar-roaming sa Ġunju 2017, mingħajr klawsoli ambigwi u definizzjonijiet vagi,” temmet tgħid.