Il-Parlament Ewropew approva b’maġġoranza assoluta rapport fuq metodu integrat għall-Politika għall-Isport, li tiegħu l-MPE Marlene Mizzi hija l-kelliema ewlenija għall-Grupp tal-S&D fil-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni tal-Parlament Ewropew.
Minkejja l-valuri pożittivi li l-isport jgħaddi lis-soċjetà u l-ekonomija, l-iskandli li reġgħu feġġew riċentament f’ċerti sports affettwaw ħażin u ħassbu lill-opinjoni pubblika u għamlu ħsara lir-reputazzjoni tal-isport li nfirxet lil hinn mid-dinja sportiva. Dawn qajmu tħassib serju dwar il-ħtieġa ta’ riforma ġenwina tal-Politika Ewropea għall-Isport, qalet Marlene Mizzi.
“Is-settur tal-isport qed jiffaċċja għadd ta’ sfidi bħall-korruzzjoni, it-tixħim, ix-xiri tal-logħob, id-doping, l-esplojtazzjoni tal-atleti, il-vjolenza u d-diskriminazzjoni” spjegat Mizzi.
“Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħi, iffokajt fuq li nippromwovi l-politika għall-isport li żżid il-parteċipazzjoni f’attivitajiet fiżiċi regolari; tindirizza d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u x-xenofobija; tiġġieled id-doping, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħrajn; tilqa’ l-inklużjoni soċjali, l-integrazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi; tassigura aċċess inklussiv b’mod partikolari għal persuni b’diżabbiltà; u ttejjeb l-aċċess għal edukazzjoni akkademika u professjonali ta’ kwalità għall-atleti,” qalet l-MPE Mizzi.
“Nuqqas ta’ azzjoni b’attenzjoni lejn dawn l-aspirazzjonijiet iħalli lill-isport jissielet ma’ kwistjonijiet ta’ korruzzjoni, doping u abbużi.”