Il-Kamra tal-Periti tat ir-reazzjoni dettaljata tagħha għal Master Plan li qed ikun proposti għal Paceville. Qalet li hi ta’ l-opinjoni li, filwaqt li dan il-Qafas ta’ Żvilupp għandu numru ta’ aspetti pożittivi li jistgħu jwasslu għal suċċess fir-riġenerazzjoni ta’ Paceville, jinkludi wkoll numru ta’ aspetti li jridu jiġu evalwati mill-ġdid. Fi stqarrija, il-Kamra qalet li t-tfassil ta’ Viżjoni għal Paceville, fiha nnifisha, hi inizzjattiva pożittiva.
“Indipendentament mill-kontenut jew il-metodoloġija addottata, huwa tajjeb li qed jiġi propost Qafas ta’ Żvilupp li jistabbilixxi strateġija għat-tkabbir u għar-riġenerazzjoni ta’ din iż-żona,” qalet il-Kamra tal-Periti. Saħansitra żiedet li inizzjattivi bħal dawn għandhom isiru b’mod iktar frekwenti u għandhom iservu ta’ xprun biex dan il-mekkaniżmu jkun applikat f’lokalitajiet oħrajn. Dwar Paceville intqal li l-importanza li qed tingħata għal titjib fl-ispazji pubbliċi huwa assolutament korrett. L-estensjoni taż-żoni pedonali, u ta’ materjali komuni fid-diversi żoni, huwa wkoll pass fid-direzzjoni t-tajba, anke jekk hemm bżonn li jsir studju iktar fil-fond dwar l-impatt fuq attivitajiet eżistenti.
Il-provviżjoni ta’ spazji pubbliċi miftuħa u ‘landscaped’ huwa ta’ min ifaħħru, u l-kunċett li jiġi ppreservat u vvaloriżżat il-wirt kulturali fiż-żona huwa tassew għan tajjeb. Fost id-difetti li ssemmi l-Kamra tal-Periti hemm dik li l-awturi jassumu li l-iskyline propost huwa dak li huwa mixtieq. “Il-prinċipji ta’ disinn urban li huma inklużi fid-dokument huma ta’ kwalita’ tajba, iżda l-iskala ta’ żvilupp propost, li mhux qed jiġi ġġustifikat, imur kontra dawn l-istess prinċipji,” qalet il-Kamra li targumenta li trid issir ukoll iktar riċerka soċjoloġika. Il-Kamra tal-Periti, li tkellmet ukoll dwar l-aspett ta’ esproprjazzjoni, issottomettiet il-kummenti formali tagħha lill-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li qed isir f’dan iż-żmien.