Għalkemm tkun taf li l-mewt qiegħda wara l-bieb, l-omm qatt ma tista’ taċċetta li tidfen lil uliedha.
Din hija r-realtà kiefra li għexet Grace Borg fl-aħħar xhur. Omm ta’ sebgħin sena li ma beżgħetx itterraq wara bintha fit-tbatija.
B’qalb minfuda b’sejf in-niket wara t-telfa ta’ bintha Sarah fl-għomor ta’ wieħed u erbgħin sena, Grace laqgħetna f’darha f’Ħ’Attard, fejn illum qed trabbi lit-tliet neputijiet waħedha.
Tispjega kif kollox beda sittax-il sena ilu, meta bintha – li qattgħet ħajjitha taħdem fi sptarijiet differenti bħala nursing aid qaltilha li għandha wġigħ f’darha. Marret għand tabib u bagħatha għal- MRI.
“Għamilna appuntament Mater Dei u kienet bagħtet għalina u morna u ħaditilha l-Xray ta’ daharha wkoll u qaltilha jekk ikun hemm xi ħaġa f’jumejn inċemplulek. F’jumejn, vera ċemplu” qalet Grace.
Lil Sarah sabulha tumur kbir fix-xewka ta’ darha, u fi żmien ġimgħa operawha u neħħewulha.
Ftit snin wara ħarġilha għat-tieni, it-tielet, u r-raba’ darba. Sentejn ilu – meta Sarah spiċċat f’siġġu tar-roti, qalulha li ma setawx joperawha f’Malta u marret għall-kura l-Ingilterra.
Jiem wara li ġiet lura, Grace bi preċiżjoni tiftakar dak li ġara fit-tlieta t’Awwissu li għadda, meta saret taf li t-tumur infirex fil-fwied u fil-pulmun.
“Qaltli t-tfal qamu? Għidtilha le. Kien Awwissu ma kellhomx skola. Qaltli mela tini t-te u l-pinnoli u lesti l-basket għall-isptar. Għidtilha għaliex? Qaltli saqajja ma nistax inċaqlaqhom” qalet Grace.
Ambulanza ħaditha l-Isptar Mater Dei, u minn dakinhar sal-ħamsa ta’ Novembru – il-jum li ħadet l-aħħar nifsijiet ta’ ħajjitha, ma ħarġitx.
“Kienu xi l-għaxra neqsin kwart meta n-nifs beda jonqos u kien hawn Benjamin. Jien żammejtilha idha għax in-nurse qaltli żommilha idha ħa tkun taf. Intelqet u n-nifs kompla jonqos. Ċemplu lil oħti u t-tfal tagħha ġew kollha u kien xis-sagħtejn neqsin kwart meta ħallietna.”
Ħajjet Grace inqalbet ta’ taħt fuq mhux biss għax esperjenzat l-uġigħ ta’ omm li rat lil bintha tħalli din id-dinja, iżda kellha tgħaddi wkoll l-aħbar lin-neputijiet.
“Meta beda jinfirex, għidtilhom issa l-mummy mhix għal magħna. Għall-ewwel ma kont għidtilhom xejn. Imma meta qaltli hi stess li nfirex fil-pulmun u l-fwied għidtilha tibżax imma lil dawn mill-ewwel għidtilhom u t-tifel kien qalli aħjar għax mhix se tbati iżjed.”
Rebecca – il-kbira ta’ Sarah ta’ ħmistax-il sena, fehmet u spjegat lil ħuha ta’ erbatax. Iżda ċ-ċkejken ta’ sitt snin għadu sal-lum jistaqsi meta ommu ġejja lura d-dar.
“Allavolja l-mummy mhix għadha hawn magħna imma l-ħajja trid tkompli ngħidilha li nħobbha ħafna u nimmisjaha” qaltilna emozjonata Rebecca.
F’dan il-baħar ta’ mrar, Grace qalet li bħal bintha għandha kuraġġ ta’ sur, hekk kif trid tibqa’ għaddejja minħabba t-tliet ġojjelli li ħalliet warajha.
“Il-kuraġġ trid tagħmlu għax la ma tkunx ħa tibqa’ miegħek il-kuraġġ tagħmlu. Ngħix għalihom issa, għax qabel norqod ngħidilha itlob għalija ħalli jien nibqa’ magħhom.”