Fl-Ingilterra tobba qed iwissu fuq l-effett ħażin li jista’ jħalli ikel li mhux tajjeb għas-saħħa. Dan wara li żagħżugħ ta’ 17-il sena tilef il-vista minħabba li kien qed jiekol ħafna crisps u chips.
Esperti tal-għajnejn fi Bristol ippruvaw jikkuraw ir-raġel wara li l-vista tiegħu ddeterjorat tant li kważi tilef id-dawl t’għajnejh għalkollox.
Il-ġuvni kien ilu sa min kien għadu jattendi fl-iskola primarja jiekol chips, crisps u ħobż abjad u ġieli jiekol biss perżut u zalzett ukoll.
Minn testijiet li sarulu jidher li qed isofri minn nuqqas ta’ vitamini u malnutrizzjoni.
Tliet snin ilu ż-żagħżugħ li ismu ma xxandarx, ittieħed għand it-tabib għaliex kien qed iħossu għajjien u bla saħħa. Hu ġie ċċertifikat li kellu nuqqas ta’ vitamini B12. Iżda hu ma riedx jieħu l-vitamini u jbiddel id-dieta tiegħu.
Dan l-aħħar, hu ttieħed l-isptar tal-għajnejn fi Bristol għaliex il-vista tiegħu tnaqqset drastikament.
Wieħed mit-tobba li eżaminaw liż-żagħżugħ qal li dawn il-problemi f’saħħtu kienu kkawżati mid-dieta tiegħu li ma kinitx tinkludi frott u ħaxix.
Meta ġie invistat ħareġ li għandu nuqqas kbir ta’ vittamini u minerali, fosthom: B12 u vitamina D.
Ritratt: Getty Images