Tħabbret il-mewt tal-artist Malti Gabriel Caruana fl-età ta’ disgħa u tmenin sena.
Is-Sur Caruana kien pijunier fix-xena lokali tal-arti, u għalkemm kien magħruf l-aktar għax-xogħol tiegħu fiċ-ċeramika u fl-iskultura f’Malta, ma kinitx l-ewwel darba li tella’ esebizzjonijiet madwar l-Ewropa.
Bosta xogħlijiet tiegħu kienu esposti wkoll f’pajjiżi barra mill-Ewropa fosthom Melbourne, Detroit u Osaka.
Il-legat ta’ dan l-artist se jitħalla fil-Fondazzjoni Gabriel Caruana, organizzazzjoni volontarja li taħdem biex tippromwovi u tippreserva l-legat artistiku ta’ esponenti tal-arti moderna u konteporanja, tipprovdi opportunitajiet għal artisti ġodda u tqajjem kuxjenza dwar l-arti moderna u kontemporanja f’Malta u lil hinn minnha.
Matul ħajtu Caruana ħadem biex ikkonverta mitħna qadima f’Birkirkara f’ċentru tal-arti u spazju għall-artisti li jixtiequ jesibixxu x-xogħol tagħhom, illum magħruf bħala The Mill Arts, Culture and Crafts Centre Birkirkara.
Ix-xogħol tiegħu jinsab esibit hemm b’mod permanenti, flimkien max-xogħol ta’ artisti oħra internazzjonali li jinbidel minn żmien għal żmien. (INĠIBU L-MITHNA TA’ BIRKIRKARA)
Il-Fondazzjoni Valletta elfejn u tmintax esprimiet ukoll id-dispjaċir tagħha għat-telfa tas-Sur Caruana u ddeskrivitu bħala wieħed mill-akbar pijunieri ta’ pajjiżna.
Fi tweet, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva lil Caruana bħala wieħed mill-aqwa artisti f’Malta ta’ kull żmien.
So saddened to learn of the demise of Gabriel Caruana, one of #Malta greatest artists of all time. Our thoughts are with his family -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) July 16, 2018