Clinton Bugeja Camilleri, li għandu problema ta’ droga, baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli li seraq mara waqt li kien fir-residenza tagħha.
Fil-Qorti ntqal kif l-akkużat, li hu magħruf għall-vidjows fuq fuq il-pjattaforma TikTok, taħt l-isem ta’ “Clinton Addict”, mar għand il-vittma f’San Pawl il-Baħar u talabha biex jagħmel telefonata.
Waqt li l-mara llargat, allegatament, l-akkużat seraqha ftit iżjed minn €400 fi flus kontanti, mowbajl, nuċċali tad-ditta kif ukoll it-Tallinja Card.
L-avukati tal-akkużat qalu li l-flus li kellu l-akkużat kien se jużahom biex jixri xi ħaġa għalihom it-tnejn. Filwaqt li talbu għall-ħelsien mill-arrest, huma sostnew li l-akkużat qed jattendi wkoll programm għall-għajnuna biex jegħleb il-vizzju tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba, għax l-akkużat diġà naqas milli jiffirma fl-għassa, kif kien obbligat jagħmel minħabba każ preċedenti. Dan filwaqt li kien hemm biża ta’ intralċ tal-provi f’dan il-każ.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti qalet li m’għandhiex serħan tal-moħħ li l-imputat se josserva l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u allura ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
L-akkużat kien intuża diversi drabi mill-Partit Nazzjonalista u l-midja tiegħu biex jattakka r-riforma mressqa mill-Gvern favur aktar ġustizzja ma’ vittmi tad-droga. Kien anke kkummenta kontriha fil-programm ta’ Andrew Azzopardi.
Ironikament, issa hemm il-possibbiltà li Bugeja Camilleri stess jibbenefika minn din l-istess riforma.