Il-kumpanija Ċiniża ByteDance, li minnha tifforma parti l-app popolari TikTok, tinsab f’ġirja kontra l-ħin sabiex issib xerrej ibbażat l-Amerika jekk trid li tibqa’ tiffunzjona fl-Istati Uniti.
Skont liġi li daħlet fis-seħħ is-sena l-oħra mill-Kungress Amerikan, jekk il-kumpanija li tmexxi l-app ma ssibx negozjatur ibbażat fl-Amerika li lest li jixtriha, allura ma tkunx tista’ tibqa’ aċċessibbli fl-Istati Uniti.
Wara li din l-app kienet twaqqfet għal ftit sigħat nhar id-19 ta’ Jannar, il-President Donald Trump ħareġ moratorju ta’ 75 ġurnata hekk kif anke ippropona sħab nofs bin-nofs bejn ByteDance u intraprenditur Amerikan.
Minkejja li ByteDance dejjem tennew li ma jridux jbiegħu, huma diversi x-xerrejja potenzjali li urew l-interess tagħhom.
Kien irrappurtat li l-kumpanija Perplexity AI filfatt issottomettew offerta sabiex jingħaqdu mal-fergħa Amerikana ta’ TikTok fejn jgħatu sa’ 50 fil-mija tal-ishma fl-entità l-ġdida lill-gvern.
Wieħed mill-ismijiet fuq il-lista ta’ investituri huwa dak tal-YouTuber Jimmy Donaldson magħruf bħala MrBeast. Huwa jifforma parti minn sindikat immexxi minn Jesse Tinsely, il-fundatur ta’ Recruiter.com. MrBeast huwa wieħed mill-akbar internet creators fid-dinja b’aktar minn 500 miljun segwaċi fuq id-diversi pjattaformi soċjali tiegħu fejn skont stima ta’ Forbes is-sena l-oħra daħħal $85 miljun.
Fit-tellieqa wkoll hemm il-bilunarju Frank McCourt, li huwa negozjant tal-propjetà u l-eks sid tal-Los Angeles Dodgers. Għal dan l-akkwist huwa waqqaf konsorzju bl-isem ta’ ‘The People’s Bid’ li jikkonsisti minn kumpaniji ta’ avukati, teknoloġisti, akkademiċi kif ukoll ċittadini.
Iżda kieku kien jiddeċiedi Trump, TikTok jieħdu f’idejh il-Kap Eżekuttiv ta’ Tesla Elon Musk jew iċ-Chairman ta’ Oracle Larry Ellison. Filfatt waqt konferenza tal-aħbarijiet ġurnata wara l-inawgurazzjoni, huwa kien qal li kien ikun favur il-fatt li din tinxtara minn Musk jew Ellison jekk dawn jiddeċiedu li jidħlu għaliha.
Fuq il-pjattaforma tiegħu X, Musk kien qal li kien kontra li TikTok ma jitħalliex jopera fl-Istati Uniti għax dan kien imur kontra l-prinċipju tal-libertà tal-kelma, iżda irrimarka wkoll li l-fatt li TikTok jitħalla jopera fl-Istati Uniti iżda X ma jistax jopera fiċ-Ċina joffri sitwazzjoni żbilanċjata.