TikTok lura fl-Istati Uniti wara li Trump qal li fl-ewwel jum tal-Presidenza kien se joħroġ ordni eżekuttiva
Is-servizz ta’ TikTok ingħata lura lill-170 miljun utent fl-Istati Uniti wara li l-President Elett Donald Trump qal li kien se joħroġ ordni eżekuttiva dwar dan kif jibda l-mandat tiegħu t-Tnejn.
Is-Sibt filgħaxija, l-app Ċiniża waqfet taħdem għall-abbonati Amerikani wara li daħlet fis-seħħ liġi li kienet tipprojbixxi l-użu tagħha minħabba sigurtà nazzjonali.
Trump, li oriġinarjament kien favur li din l-app ma titħalliex aktar fl-Istati Uniti, il-Ħadd wiegħed li se jkun qed imexxi ż-żmien tal-implimentazzjoni tal-liġi sabiex ikun hemm aktar ħin biex jiġi milħuq ftehim. Eżatt wara, TikTok ħabbru li kienu fil-proċess li jerġgħu jagħtu lura s-servizz u ftit wara l-app reġgħet bdiet taħdem b’messaġġ li kien jirringrazzja lil Donald Trump direttament.
Fi stqarrija l-kumpanija rringrazzjat lill-President Elett li pprovda ċ-ċarezza u sigurtà neċessarja u qalu li kienu se jkunu qed jaħdmu miegħu sabiex tinstab soluzzjoni li żżomm lil TikTok fl-Istati Uniti.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ TikTok Shou Chew huwa mistenni li jattendi l-inawgurazzjoni ta’ Trump.
Il-kumpanija li tamministra lil TikTok, Bytedance, kienet injorat liġi li kienet tirrikjedi li jinbiegħu l-operazzjonijiet tagħha fl-Istati Uniti sabiex tkun evitata projbizzjoni. Il-liġi kienet ikkonfermata mill-Qorti Suprema nhar il-Ġimgħa u daħlet fis-seħħ il-Ħadd.
Għadu mhux ċar x’awtorità għandu Trump li jmexxi l-implimentazzjoni ta’ liġi li diġa daħlet fis-seħħ iżda hu mifhum li l-gvern tiegħu mhux se jkun qiegħed jattwa l-projbizzjoni jekk joħroġ ordni eżekuttiva.