Fir-raba’ jum tas-summit tal-Kunsill Ewropew komplew id-diskussjonijiet f’livelli ta’ gruppi hekk kif bdiet tikber it-tama li dan is-summit jista’ jintemm bi ftehim dwar il-fond ta’ rkupru ekonomiku mill-Covid-19 u anki dwar il-budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin.
Iktar kmieni, ir-rawnd ta’ diskussjonijiet mal-mejda tal-Kunsill Ewropew li nbdew waqt iċ-ċena tal-Ħadd filgħaxija waqfu għal konsultazzjonijiet meta l-arloġġ qabeż nofs il-lejl.
Dawn komplew għal ftit ħin fil-plenarja tal-Kunsill għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħodu, meta l-mexxejja rtiraw sabiex jikkunsidraw u jikkonsultaw dwar l-aħħar proposta mressqa mill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.
Fil-fatt il-Prim Ministru Malti Robert Abela qatta’ l-ġurnata f’diversi laqgħat bilaterali u multilaterali ma’ mexxejja oħra Ewropej.
Is-sitwazzjoni fil-Kunsill tibqa’ kemmxejn maqsuma hekk kif pajjiżi meqjusa sinjuri bħall-Olanda, l-Awstrija, l-Iżvezja u d-Danimarka jridu kontroll strett kif jintefaq il-fond ta’ wieħed punt tmien triljun ewro, u pajjiżi oħra li batew sew fil-pandemija bħall-Italja u Spanja li jridu fond iżjed ġeneruż.
F’kummenti mal-midja, il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa importanti li l-mexxejja Ewropej iħallu Brussell bi ftehim hekk kif in-nuqqas tiegħu jista’ jibgħat messaġġ mhux mixtieq.
Il-Prim Ministru Malti kien kawt fil-kummenti tiegħu iżda ottimist li jintlaħaq ftehim dwar il-fond ta’ rkupru.
Filwaqt li kompla jagħfas fuq il-pożizzjoni Maltija li jintlaħaq l-iżjed ftehim ġust, Dr Abela semma l-importanza li l-ftehim finali jgħin pajjiżi oħra jirkupraw hekk kif din ikollha impatt tajjeb fuq pajjiżna.
Mistoqsi dwar il-proposta li torbot l-għoti ta’ fondi mal-istat tas-saltna tad-dritt, punt li qajjem kontroversja fil-konfront tal-Ungerija, Dr Abela qal li m’għandux problema b’din il-kundizzjoni, filwaqt li fakkar fir-riformi u t-tibdil li qed tagħmel Malta f’dan ir-rigward.
Il-mexxejja Ewropej kienu mistennija jiltaqgħu bħala grupp sħiħ għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija sabiex jipprovaw jiżblokkaw is-sitwazzjoni.
Summits li jtulu daqshekk huma rarissimi. Fil-fatt dan is-summit, li beda nhar il-Ġimgħa li għadda, huwa t-tieni l-itwal wieħed fl-istorja tal-Unjoni Ewropea. Bl-itwal wieħed kien dak li wassal għat-trattat ta’ Nizza fis-sena 2000.