Tal-PD joħorġu d-dettalji u Busuttil iżomm il-brejk
Iffaċjat minn rabja qawwija fil-grupp parlamentari, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kellu jagħmel pass lura u jgħid li d-diskussjonijiet mal-Partit Demokratiku għadhom għaddejin.Dan minkejja li Marlene Farrugia ħabbret dettalji bħal fatt li l-kandidati tal-Partit Demokratiku se jkunu taħt il-lista tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali u lbieraħ id-Deputat Mexxej, Anthony Buttigieg, kiteb artiklu fejn ta d-dettalji kollha fosthom dwar il-manifest elettorali.
Il-mod kif ġraw l-affarijiet ħoloq inkwiet kbir għal Busuttil li ma’ The Malta Independent qal li d-diskussjonijiet għadhom għaddejin imma jinsabu fl-aħħar stadju tagħhom.
Ma’ The Malta Independent, Busuttil qal li anke dwar kif se jidhru l-kandidati tal-PD fuq il-lista tal-PN għad hemm diskussjonijiet.
Din l-attitudni Busuttil kellu joħodha wara l-inkwiet intern u l-kritika ma taqta’ xejn dwar kif ma kkonsultax. L-ikbar kritika mhijiex għal fatt li l-Partit Nazzjonalista qed jitħabbeb ma’ Farrugia iżda għal mod kif il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista spiċċaw parti minn dan il-partit mingħajr ma osservaw l-istrutturi u r-regoli tal-Partit Nazzjonalista.
Busuttil jinsab fil-mira wkoll dwar kif meta suppost hu l-Kap ta’ din il-koalizzjoni spiċċa jsegwi d-dettalji ħerġin mill-facebook u l-artikli ta’ uffiċjali tal-oranġjo.
Intant, The Malta Independent qed tikwota deputat nazzjonalista li ippreferi jibqa’ anonimu jgħid li kien ixxokjat bl-aħbar. “Nitkellmu kontra l-populiżmu, imbagħad ngħamlu mossa populista bħal din,” kien ikkwotat jgħid jumejn wara li fl-Isla l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu tislima speċjali għal Marlene Farrugia. Il-kumment ma’ The Malta Independent huwa fuq l-istess linja li deputati oħra taw ma’ erba’ gazzetti tal-Ħadd.