Il-Ġimgħa filgħaxija ġie fi tmiemu l-ewwel fażi tal-Kampjonat tas-sajf hekk kif iż-żwiemel kollha issa ġrew darba fuq distanza ta’ 2140m. L-aħħar 8 tiġrijiet kienu ta’ livell ogħli speċjalment dik riservata għal żwiemel tal-aqwa klassi li fiha ħareġ rebbieħ id-debuttant Zonguldak misjuq minn Salvu Cutajar. Din it-tiġrija kienet waħda ferm mistennija u fejn jidħol spettaklu ta’ ħin ma ddiżappuntatx hekk kif kienet irreġistrata medja ta’ 1’13”6.
Rodney Gatt reġa’ żied żewġ rebħiet oħra qabel il-parteċipazzjoni tiegħu fil-Kampjonat Ewropew għas-sewwieqa professjonali fejn fi Klassi Gold iż-żiemel And Here I Am irreġistra r-raba’ rebħa tiegħu u fi Klassi Silver ħa l-ewwel rebħa staġjonali tiegħu Tempo d’Ecajeul.
Paul Galea ukoll ħareġ rebbieh b’żewġt iżwiemel it-tnejn li huma fi Klassi Silver bid-debba Greatandeasy C.C. tieħu l-ewwel rebħa tagħha f’Malta u Viking Darche jirbaħ għat-tieni darba din is-sena.
Misjuq għall-ewwel darba minn Charles Camilleri, Sephiro Flam ħa l-ewwel rebħa staġonali tiegħu fi Klassi Gold.
Darren Grima fuq iż-żiemel tiegħu stess Fart Kloster irreġistra t-tieni rebħa tiegħu tas-sena fi Klassi Bronze filwaqt li Sam Cassar irritorna lura fuq is-serkin b’rebħa sabiħa taż-żiemel Orsini fi Klassi Copper li għalih kienet l-ewwel waħda f’Malta.
Fil-programm kellna wkoll tiġrija bix-xrieret bejn sebat iżwiemel li nstaqu minn ġerrejja tal-Malta Racing Club akkumpanjati minn impjegati ta’ Mapfre/Middlesea. Din it-tiġrija ntrebħet minn Robin du Suret misjuq minn Noel Baldacchino akkumpanjat minn Ana Zammit Munro.
Fit-tliet programmi li jmiss iż-żwiemel issa jieħdu sehem fit-tieni fażi tal-kampjonat fuq distanza ta’ 2640m.
Ritratt: Alex Azzopardi