Il-Ġimgħa filgħaxija is-sewwieq Champion tal-Malta Racing Club Rodney Gatt irnexxielu jniżżel ismu fl-istorja tat-tiġrijiet lokali meta sar l-ewwel sewwieq li rebaħ sitt tiġrijiet fi programm wieħed. Gatt matul dan l-istaġun kemm il-darba rebaħ tlieta u erbgħa tiġrijiet fi programm pero kien għadu qed jittanta li jirbaħ ħamsa biex jingħaqad mal-ftit li s’issa għamlu dan.
Fil-programm tal-Ġimgħa mill-ewwel beda bit-tajjeb meta rebaħ erba’ tiġrijiet konsekuttivi biż-żwiemel Runway, Tyrone Power, Varenne du Pommeau u Ugolin du Rib. Fiż-żewġ tiġrijiet ta’ wara ma ħa l-ebda pjazzament u kulħadd kien qed jistenna fuq ix-xwiek peress li fl-aħħar żewġ tiġrijiet kellu żewġ t’iżwiemel fost l-aktar favoriti. Filfatt bid-debba Lajos Cella, li kienet qed tirreġistra ir-raba’ rebħa staġonali, irnexxielu joħroġ rebbieħ fit-tielet tiġrija kwalifikattiva għat-Tazza Sette Giugno u fl-aħħar tiġrija tal-ġurnata għamilhom sitta bit-tielet rebħa konsekuttiva għaż-żiemel Carat Darby.
F’kumment li tana’ Rodney Gatt huwa qal li dan is-suċċess huwa dovut għal ħafna sagrifiċċji, xogħol u dedikazzjoni. Filfatt flok jiċċelebra dan il-mument inkredibbli fil-karriera tiegħu kien ser imur jistrieħ peress li ried iqum fit-3:30 a.m. ħalli jħaddem iż-żwiemel. Ir-riżultat tal-llum ma kienx daqstant sorpriża għalih għax kien jaf li kellu żwiemel tajba biċ-ċans li joħorġu rebbieħa.
Fil-programm tal-Ġimgħa filgħaxija kellna wkoll rebħiet għal Okay dei Ronchi misjuq minn Noel Baldacchino u Urgah du Rib misjuq minn Charles Camilleri fl-ewwel żewġ tiġrijiet kwalifikattivi għat-Tazza Sette Giugno. L-unika tiġrija tal-galopp intrebħet mid-debba debuttanta Effywind misjuqa minn sidha George Falzon. Kien hemm ukoll tiġrija għall-ponijiet żgħar misjuqa mit-tfal bil lbit u din intrebhet minn Miguel Mckay u l-poni tiegħu Chequer.