Il-Ġimgħa 21ta’ Lulju Noel Baldacchino irrapreżenta lil Malta fit-tieni leg tal-Kampjonat tal-Ġerrejja tal-Mediterran u l-Baħar l-Iswed ġewwa l-Ippodromu Cote d’Azur ġewwa Cagnes-sur-Mer fi Franza. F’din l-okkazjoni Noel Baldacchino saq iż-żiemel ta’ 7 snin Talja ADAM KIRBY COL li kien qiegħed jirritorna Franza wara xi żmien jiġri lura ġewwa pajjizu.
Noel Baldacchino kien qiegħed jibda bin-numru 11 mit-tieni filliera u wara bidu regolari sab postu wara żwiemel oħra fil-linja ta’ barra. Wara illi żwiemel quddiemu ma bdewx jagħmlu progress, Noel Baldacchino kien kostrett jattakka kmieni u beda sprint fl-aħħar elf metru tat-tiġrija. Filwaqt illi ż-żwiemel ta’ quddiem deheru nettament superjuri tul it-triq kollha, Noel Baldacchino beda jissielet għall-aħħar post fuq il-podju iżda ż-żiemel tiegħu għejja xi ftit lejn l-aħħar metri u spiċċa fil-ħames post. B’dan il-pjazzament, Noel Baldacchino irnexxielu jakwista t-tielet post fil-klassifika tal-kampjonat wara Pierre Vercruysse li rebaħ it-tiġrija fuq FENIX DU LOISR u ir-raprezentant Taljan Gianpaolo Minucci li daħal fir-raba post tat-tiġrija fuq FORMIDABLE VOYAGE.
Għal din it-trasferta, Noel Baldacchino kien akkumpanjat mill-Viċi-Chairman tal-Malta Racing Club is-sur Tony Demanuele li fl-okkażjoni attenda laqgħa uffiċjali tal- Mediterranean and Black Sea Horse Racing Union li saret f’din l-okkazjoni.