Aktar kmieni llum fl-uffiċini tal-Korsa tal-Marsa ttellgħu l-poloz taż-żwiemel finalisti li se jipparteċipaw fit-62 edizzjoni tal-BOV Tazza l-Kbira nhar il-Ħadd 24 t’April 2022. Bħas-soltu dan is-sorteġġ sar fil-preżenza tas-sidien stess li kienu qed jistennew b’antiċipazzjoni n-numri li jistgħu jiddeterminaw l-andament ta’ din il-finali meqjusa bħala l-aktar prestiġjuża fil-kalendarju tat-trott lokali.
Preżenti għal din il-polza kien hemm ukoll is-Sur Charles Azzopardi Executive CSR u Marketing tal-Bank of Valletta kif ukoll l-Avukat Matthew Brincat Kap Eżekuttiv ta’ Marsa Race Track Limited u s-Sur Anthony Demanuele rappreżentant tas-sidien u s-sewwieqa fi ħdan EquestriMalta.
“Qed nistennew bil-ħerqa finali oħra eċitanti tal-BOV Tazza l-Kbira” qal Charles Azzopardi. “Il-Bank huwa impenjat lejn is-saħħa u l-benesseri f’konformità mal-impenji ESG tiegħu u nieħdu din l-opportunità biex nawguraw lis-sidien taż-żwiemel, is-sewwieqa, it-trainers u dawk kollha involuti f’din it-tellieqa.”
L-istennija għal din il-finali hija waħda kbira hekk kif kemm mis-sitt heats li saru nhar il-31 ta’ Marzu kif ukoll iż-żewġ semi finali ta’ nhar il-Ħadd li għadda jidher ċar kemm il-kompetizzjoni hija waħda għolja. Grazzi ta’ dan imur għas-sidien li b’impenn qed jippreparaw iż-żwiemel tagħhom biex jagħtu l-ispettaklu mixtieq.
Fost it-tnax li waslu sal-finali għandna r-rebbieħ tas-sena l-oħra Antoine du Bourg li jidher li qiegħed fil-forma biex jiddefendi t-titlu hekk kif irnexxielu joħroġ rebbieħ kemm fil-heats kif ukoll fis-semi finali u bla dubju se jkun fost il-favoriti għar-rebħ ta’ din it-tiġrija. Minkejja dan però l-isfida mhux se tkun waħda faċli miż-żwiemel l-oħra. B’diversi elementi ġodda fosthom id-debba Infinite Knight li għalkemm ġejja mill-kategorija Gold hija wkoll rebħet il-heat u s-semi finali u se tkun qed taffronta lil Antoine du Bourg għall-ewwel darba. Għandna wkoll żewġt’iżwiemel li propju għamlu d-debutt tagħhom waqt dan il-Kampjonat u interessanti il-fatt li ħamsa mill-finalisti huma żwiemel li qabel il-heats kienu qed jiġru fi klassi Gold.
Il-medja rekord tal-finali tibqa’ dik ta’ Up And Go 1’14”5 li wettaq fis-sena 2019 però l-aktar medja veloċi tal-kampjonat hija dik ta’ 1’13”7 irreġistrata fis-semi finali tas-sena 2020 minn Vivaldi du Vivrot li eventwalment rebaħ l-edizzjoni ta’ dik is-sena.
Din is-sena l-finalisti ser jitilqu b’dawn in-numri:
- BAMBINO DES FLOTS (Noel Baldacchino)
- BARA MIN (Clint Vassallo)
- INFINITE KNIGHT (Charles Camilleri)
- ANTOINE DU BOURG (Redent Magro)
- DYNAMIT LIFE (Kerstin Galea)
- DOUDOU DE BOUERE (Jean Claude Pace)
- ANDANTE (Cherise Farrugia)
- CAVIAR DU VIVIER (Rodney Gatt)
- DUNBAR (Cliferty Calleja)
- CHARMING SOLDIER (Paul Galea)
- GIGANT WELL (Charles Degiorgio)
- UNSTOPPABLE (Carl Caruana)