Il-BOV Tazza l-Kbira se tibda nhar il-Ħadd 19 ta’ Marzu, 89 sena mill-ewwel edizzjoni li qatt saret, u fiha se jieħdu sehem żwiemel tal-kategorija Premier, l-ogħla f’pajjiżna, li se jikkompetu għall-aktar unur prestiġjuż fil-kalendarju tat-trott ta’ Malta.
Minkejja l-età tagħha, il-BOV Tazza l-Kbira tibqa’ tiġbed l-attenzjoni tal-appassjonati tat-tlielaq taż-żwiemel, f’tiġrija fejn is-sidien taż-żwiemel u s-sewwieqa jagħmlu kull sforz biex inaqqxu isimhom fuq dan it-trofew tant mixtieq.
Din hija l-61 edizzjoni ta’ dan l-avveniment u se jara l-parteċipazzjoni ta’ 74 żiemel li se jinqasmu f’6 heats, fejn l-ewwel 4 f’kull heat jikkwalifikaw għas-semifinali. Iż-żwiemel, li jinkludu 3 dwieb, ġejjin minn 8 nazzjonijiet differenti – 43 Franċiżi, 17 Żvediżi, 4 Taljani, 3 Olandiżi, 2 Norveġiżi u 2 Daniżi fost oħrajn. 10 t’iżwiemel se jkunu qed jagħmlu d-debutt tagħhom f’Malta, speċifikament fil-BOV Tazza l-Kbira fejn se jkun hemm ukoll il-parteċipazzjoni tar-rebbieħ tas-sena l-oħra Charming Soldier, li hu wkoll id-detentur tal-aqwa ħin fil-finali li hu wkoll rekord nazzjonali fuq id-distanza ta’ 2640 metru.
Is-semifinali li se jsiru fit-2 ta’ April se jiddeterminaw it-12-il finalista li jikkompetu għal dan l-unur fil-finali ta’ nhar il-Ħadd 16 ta’ April 2023. It-tiġrijiet kollha huma kkontestati bid-distanza tradizzjonali ta’ 2640m, u s-sidien taż-żwiemel ikollhom l-opportunità li jtellgħu n-numru tat-tluq taż-żiemel tagħhom waqt konferenza stampa li tinżamm għal din l-okkażjoni.
Il-Bank of Valletta qed jerġa’ jappoġġja lill-Malta Equidrome fl-organizzazzjoni tal-BOV Tazza l-Kbira, it-tiġrija bl-ogħla premju fil-kalendarju tat-tiġrijiet lokali , fejn it-total huwa dak ta’€8,250 bir-rebbieħ jirċievi €4,500. Il-Bank of Valletta huwa sinonimu mal-isports f’Malta u Għawdex, u jappoġġja l-eċċellenza permezz tas-sapport tiegħu-mal-ogħla unur tat-tiġrijiet taż-żwiemel f’pajjiżna.