F’wirja spettakolari ta’ veloċità u saħħa, Dats So Cool ħareġ rebbieħ fil-BOV Tazza l-Kbira 2025. Fil-finali li saret waqt il-laqgħa tat-tiġrijiet tat-13 ta’ April 2025 fil-Korsa tal-Marsa, Dats So Cool kiseb ir-rebħa pretiġjuża quddiem folla kbira ta’ nies li nġabret fil korsa tal-Marsa.
Iż-żiemel ta’ SRF Stables misjuq minn Jesmar Gafa, Dats So Cool spiċċa t-tellieqa fuq id-distanza tradizzjonali ta 2,640 f’ħin totali ta’ 3’13”441 b’medja ta’ 1’13”3 kull kilometru. Dats So Cool għeleb flotta ta’ żwiemel kollha kienu mill klassi Premier fejn daħal qabel Al Capone Stecca li daħal fit-tieni post u Extra du Chatelet fit-tielet post fl-aktar tiġrija prestiġjuża fil-kalendarju tat-trott ta’ Malta.
Il-BOV Tazza l-Kbira, wieħed mill-avvenimenti l-aktar mistennija fil-kalendarju Malti tat-tiġrijiet taż-żwiemel, rat 79 żiemel tal-klassi premier jikkontestaw għall-ogħla premju bi 12-il żiemel jikkompetu fil-finali li jwasslu mumenti eċċitanti u juru l-aqwa talent ekwestri.
Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta u Matthew Brincat, President tal-Malta Equidrome, fil-preżenza tal-Onor Clifton Grima, Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni ppreżentaw it-Tazza storika lir-rebbieħ.

