Ġie fi tmiemu xogħol ta’ riġenerazzjoni minn ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fiż-żona tal-monument tal-Arc De Rohan f’Ħaż-Żebbuġ, f’kollaborazzjoni mal-kunsill tal-istess lokalità.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett, bħala parti mill-ħidma tal-Gvern biex il-pajjiż ikollu iżjed spazji miftuħa li jitgawdew mill-familji, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mix-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, stqarr kif dan l-impenn hu parti minn kullana ta’ tisbiħ, inkluż f’Ħaż-Żebbuġ stess.
“L-Arc de Rohan hu simbolu għal-lokalita ta’ Ħaż-Żebbuġ fid-daħla tiegħu u hawnhekk rajna ssir ġenerazzjoni totali ta’ din iż-żona biex ir-residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ ikollhom spazji fejn jirrikreaw rwieħhom mal-familji tagħhom. Dan mhuwiex biss l-unika proġett li qed inwettqu bħala Public Works f’Ħaż-Żebbuġ. Inħares ’il quddiem ħalli, fil-ġimgħat li ġejjin, ninawguraw proġett fi Triq Sciortino kif ukoll fi Ġnien l-Indipendenza biex il-poplu ta’ Ħaż-Żebbuġ igawdi minn dan l-investiment li qegħdin inwettqu flimkien.”
Omar farrugia, Segretarju Parlamentari

Is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, Steve Zammit Lupi, tenna li dawn il-proġetti se jkomplu jtejbu l-ħajja ta’ kuljum tar-residenti u din iż-żona, li hi tant għal qalb iż-Żebbuġin, qegħda tingħata l-apprezzament li jixirqilha.
Hu rringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal dak li qed iwettqu fil-lokalità.
“Illum, b’mod formali, inawgurajna l-proġett tal-bieb il-ġdid. Proġett b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fejn wettaqna xogħlijiet ta’ pavimentar u sistema ta’ dawl biex l-entratura prinċipali ta’ Ħaż-Żebbuġ tingħata l-importanza u l-prominenza tagħha.”
Steve Zammit Lupi, Sindku Haż-Żebbuġ
Dawn ix-xogħlijiet huma parti minn numru ta’ xogħlijiet oħrajn ta’ riġenerazzjoni li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qiegħed iwettaq madwar il-pajjiż, biex mhux biss irodd lill-poplu spazji siguri fejn jirrilassaw, iżda wkoll jiġu ppriservati siti storiċi bħala parti mill-patrimonju rikk ta’ pajjiżna.