Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Dr Ian Borg, żar il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta sabiex iniedi VaTIS, li tifforma parti mill-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità.
Fl-14 ta’ Lulju, il-Ministru Borg ħabbar numru ta’ inizjattivi sabiex tiġi mfakkra din il-Ġimgħa għas-sena 2017. Din hija r-raba’ edizzjoni tal-kompetizzjoni u din is-sena ser iġġorr it-tema “Sharing gets you further”, favur Mobilità kondiviża. Iż-żjara tal-lum tat bidu lil wieħed mill-proġetti li ġew iffinanzjati mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali flimkien ma’ Transport Malta, permezz ta’ fond finanzjarju li qiegħed jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-Kunsilli Lokali li juru interess li jipproponu proġetti innovattivi favur mobilità aktar sostenibbli.
Fid-diskors tiegħu, Dr Borg ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali li qatt ma ħadu sehem f’edizzjonijiet passati sabiex jissottomettu proġetti varji għall-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Għażla, u kompla billi irringrazzja f’isem il-Gvern Ċentrali lil dawk il-Kunsilli Lokali li sena wara l-oħra ipparteċipaw f’din l-inizjattiva. Huwa qal li diversi Kunsilli Lokali ibbenefikaw minn għotjiet finanzjarji għal proġetti permanenti simili għal dak li kien qiegħed jingħata bidu. Fost il-Kunsilli li ibbenefikaw, Dr Borg semma dawk tal-Belt Valletta, Bormla, Ħal Qormi, Raħal Ġdid, Għajnsielem u San Pawl il-Baħar, u qal li aktar tard din is-sena se jiġu mnedija l-kumplament tal-proġetti li diġà ibbenefikaw mil-iskema. Huwa stqarr li l-Gvern qiegħed jikkunsidra li mis-sena d-dieħla jżid il-fond allokat għal dawn il-miżuri.
Il-Ministru faħħar lill-Kunsill tal-Belt Valletta bħala wieħed mill-aktar Kunsilli Lokali attivi fil-kompetizzjonijiet relatati mal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità, liema Kunsill huwa msieħeb fi proġett iffinanzjat mill-programm ewlieni ta’ DG MOVE, Civitas, flimkien ma’ Transport Malta, il-Ministeru għat-Turiżmu, u l-Università ta’ Malta. Permezz ta’ dan il-proġett se jiġi mfassal għall-ewwel darba Pjan Sostenibbli għal Mobilità Urbana għall-Belt Valletta u għar-Reġjun tal-Belt, u se jiġu mnedija diversi proġetti pilota.
Dr Borg fiehem kif il-proġett VaTIS jinkludi l-iżvilupp ta’ App li hija maħsuba sabiex taġġorna lill-pubbliku f’ħin reali b’informazzjoni dwar l-istat tat-traffiku u għeluq ta’ toroq ġewwa l-Belt. Din l-App ġiet żviluppata bil-kollaborazzjoni ta’ l-Istitut dwar il-Bdil fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli ta’ l-Università ta’ Malta. Huwa spjega wkoll kif inizjattivi oħra jinkludu t-twaħħil ta’ sensors fil-parkeġġi pubbliċi tal-Belt Valletta u parkeġġi fit-toroq tal-Belt. Permezz ta’ din l-inizjattiva, nevitaw il-konġestjoni u niffaċilitaw ukoll il-parkeġġ fil-Belt Valletta, favur aċċess aħjar għal dawk li jgħixu, jaħdmu u jżuru l-Belt Kapitali tagħna, temm jgħid il-Ministru.